Tnediet Tikketta Ta’ Kwalità Ġdida – Il-Gozo Quality Mark

 Tnediet Tikketta Ta’ Kwalità Ġdida – Il-Gozo Quality Mark

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, indirizzaw l-ewwel laqgħa uffiċjali bejn il-partijiet interessati tal-Gozo Artisan Network. Fi ħdan din l-assoċjazzjoni tnediet ukoll tikketta ta’ kwalità, il-Gozo Quality Mark, marbuta mat-territorju Għawdxi sabiex tiċċertifika l-livell ta’ kwalità u l-ġenwinità tal-prodotti magħmula f’Għawdex.

Il-Gozo Artisan Network ġie stabbilit permezz ta’ proġett pilota fi ħdan il-proġett Destination SMEs Interreg Europe. Il-proġett beda f’Marzu tal-2016 u ġie fi tmiemu f’Ġunju tal-2021. Matul l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett, il-Ministeru għal Għawdex ibbenefika minn €200,000 f’fondi Ewropej. Flimkien mal-Ministeru għal Għawdex, kien hemm sitt imsieħba oħra mill-Unjoni Ewropea li ħadu sehem f’dan il-proġett.

Fit-23 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet twaqqfet uffiċjalment il-Gozo Artisan Network li tiġbor fi ħdanha artiġjanati residenti f’Għawdex bl-għan li dawn l-intrapriżi ż-żgħar jingħaqdu f’ħidma kollettiva sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tagħhom filwaqt li jkollhom rwol iktar wiesa’ fis-settur turistiku. L-assoċjazzjoni se tiġbor flimkien nies professjonali u ta’ esperjenza li jaħdmu fil-qasam tal-arti u l-artiġjanat, u prodotti oħrajn magħmula b’mod artiġjanali. Din l-assoċjazzjoni hija regolarizzata permezz ta’ statut li ġie approvat mill-membri fundaturi sabiex jirregola l-funzjoni u l-ħidma tal-membri.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-prodotti jistgħu jkunu ċertifikati wkoll minn tikketti stabbiliti oħrajn li jagħtu garanzija ta’ kwalità. Dan sabiex kemm il-konsumatur lokali kif ukoll it-turist li jżur gżirietna jkun jista’ jserraħ rasu li qed jixtri prodott jew servizz ta’ kwalità u fl-istess ħin jieħu valur tajjeb għal flusu. Il-Ministru Camilleri stqarr li, “Il-Ministeru għal Għawdex hu kommess li jibqa’ joffri s-sapport tiegħu sabiex dan in-network u l-Gozo Quality Mark isiru parti integrali mill-prodott turistiku li joffri Għawdex u fl-istess ħin l-intrapriżi ż-żgħar tal-familja jkomplu jtejbu l-operat tagħhom.”

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-fondi tal-Interreg Europe Programme 2014-2020 bl-għan li jitjiebu l-politiki tal-benfiċjari li ġejjin minn pajjiżi differenti. Hu saħaq li din il-kollaborazzjoni tat l-opportunità lill-Ministeru għal Għawdex li jibbenefika minn proġett pilota li permezz tiegħu nħolqot tikketta ta’ kwalità biex nagħtu valur lil prodotti Għawdxin u b’hekk inpoġġu lil prodotti ta’ Għawdex u ta’ pajjiżna fuq livell internazzjonali.

Kemm ilha li twaqqfet il-Gozo Artisan Network diġà hemm numru mhux ħażin ta’ intraprendituri żgħar li wrew l-interess li jingħaqdu ma’ dan in-network. Fil-fatt, bħalissa qed issir sejħa sabiex kull min hu interessat li jingħaqad f’dan in-network jattendi għall-ewwel AGM li se jsir f’qasir żmien sabiex din l-assoċjazzjoni tkun tista’ tibda topera fuq livell nazzjonali.

Ritratti: MGOZ

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com