Tnejn Arrestati B’Rabta Ma’ Sejba Ta’ Droga – Allegazzjoni Ta’ Traffikar Fil-Belt Valletta
Investigazzjonijiet mill-Pulizija b’rabta ma’ informazzjoni dwar allegat traffikar ta’ droga fil-Belt Valletta wasslu għall-arrest ta’ żewġt irġiel.
Wara osservazzjoni fuq iż-żewġ persuni, Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, ilbieraħ waqqfu lill-irġiel, ta’ 41 u 58 sena t-tnejn residenti l-Mellieħa. Minn tfittxijiet li saru fuqhom, il-Pulizija elevat ammont konsiderevoli ta’ sustanza suspettata droga kokaina.
Minn aktar tfittxijiet li saru fir-residenzi tal-irġiel instabet aktar droga u madwar €19,000 fi flus kontanti.
Id-droga misjuba, madwar nofs kilo kokaina, li kieku laħqet inbiegħet fis-suq kienet tlaħħaq is-€27,000.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia ġie nfurmat bis-sejba u ħatar inkjesta.
L-irġiel mistennija jitressqu l-Qorti illum għall-ħabta tal-11.15 quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farrugia Frendo.
Kreditu : Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.