Wasal Fil-Fażi Finali Tiegħu X-Xogħol Fuq Il-Pixxina ‘Indoor’ Ta’ Livell Olimpiku Fil-Kottonera
Waqt żjara fis-sit fejn qed isiru x-xogħlijiet fuq l-ewwel pixxina indoor ta’ skala internazzjonali fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera b’investiment ta’ €14-il miljun, is-Segretarju għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima spjega li dan il-proġett issa wasal fit-tielet u l-aħħar fażi tiegħu.
Is-segretarju parlamentari spjega li l-pixxina indoor state-of-the-art immexxija minn Sport Malta se tkun fost l-aqwa kumplessi sportivi fil-Mediterran. Fi kliem Clifton Grima, dan il-proġett imwiegħed fil-manifest elettorali huwa ta’ opportunità eċċellenti biex is-settur akkwatiku tal-isport f’pajjiżna jkompli jieħu spinta ‘l quddiem u jkompli jagħti kontribut għal aktar suċċessi li nkisbu fl-aħħar snin.
It-tielet u l-aħħar fażi ta’ dan il-proġett, tinkludi t-tqattigħ tal-blat, il-binja tal-pixxina, uffiċini, plant room, faċiltajiet tal-ikel, dressing rooms u showers. L-ewwel u t-tieni fażi ta’ dan il-proġett kienu jikkonsistu fiż-żarmar u t-twaqqigħ tal-boċċi dromo, it-tlestija tal-bini ta’ retaining wall mad-dawra tal-istess proġett, u l-bini tal-pedamenti.
Din il-pixxina hi tad-daqs olimpiku ta’ 5,000 metru kwadru, b’saqaf tal-injam b’tul ta’ 44 metru kif ukoll ħitan tal-ħġieġ li jkopru mal-44 metru kwadru kull naħa, u fond ta’ 2.2 metri, liema tul jissodisfa r-rekwiżiti mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Għawm. Il-pixxina se tkun mgħammra bl-aħjar teknoloġija fosthom dik tal-bulkheads biex il-pixxina tkun maqsuma f’aktar minn faċilità waħda. L-art tal-pixxina se jkollha funzjoni li titla’ u tinżel biex il-coaches tal-għawm ikunu jistgħu jagħtu l-lezzjonijiet tagħhom fl-ilma stess. Apparti hekk, il-materjal tat-twaqqigħ qed jiġi kollu riċiklat.
Waqt l-intervent tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar qal li dan huwa parti minn kullana ta’ proġetti li tieħu ħsieb Sport Malta, liema proġett se jkun wieħed mill-aqwa kumplessi sportivi fil-Mediterran għax il-pixxina indoor se tkun qed tikkumplimenta faċilità tal-padiljun li għandha spazju għal 400 spettatur kif ukoll sala tal-konferenzi u kafetterija. Huwa qal li atleti Maltin mhux se jibqgħu żvantaġġati meta mqabbla ma’ atleti barranin fejn jitħarrgu f’pixxina miftuħa u jikkompetu f’pixxina indoor. Żied jgħid ukoll li bil-faċilitajiet, il-programmi fi ħdan Sport Malta se jkunu qed jikbru u jiżviluppaw f’aktar opportunitajiet.