25 Kunsill Lokali Jibbenefikaw Minn €1.3M Biex Iwettqu Proġetti Relatati Mal-Aċċessibilità U Mobilità
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera ħabbar li 25 kunsill lokali kienu eliġibbli biex jingħataw madwar €1.3 miljun bħala parti mill-Iskema Finanzjament ta’ Proġetti Kapitali – Aċċessibilità u Mobilità. Huwa ħabbar ukoll li wara l-konkorrenza qawwija mill-kunsilli lokali bi proġetti innovattivi favur ir-resident, ser terġa’ tinħareġ l-iskema b’valur ta’ aktar minn miljun ewro.
Il-kunsilli lokali huma l-Belt Valletta, il-Birgu, Birkirkara, Bormla, il-Fontana, l-Għarb, il-Ħamrun, l-Isla, Kerċem, Ħal Kirkop, Ħal Lija, Ħal Luqa, il-Marsa, Marsaskala, Marsaxlokk, il-Mellieħa, il-Qrendi, ir-Rabat Malta, Ta’ Sannat, San Lawrenz, Santa Luċija, Tas-Sliema, Ta’ Xbiex, iż-Żebbuġ Għawdex u ż-Żejtun. Uħud mill-proġetti jinkludu servizz ta’ trasport b’xejn għall-komunità permezz ta’ vettura taħdem bl-elettriku, installazzjoni ta’ lifts, tiswija ta’ pavimentar, riġenerazzjoni ta’ pjazez, twaqqif ta’ respite centre u installazzjoni ta’ open air gym u bandli.
Il-Ministru Herrera saħaq li kull persuna għandha dritt tgħix ħajja libera u indipendenti. Qal li l-aċċessibilità adekwata fil-lokalità hija kruċjali għar-residenti sabiex ikollhom l-abbiltà li jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom ta’ kuljum.
Huwa tenna li dawn il-proġetti ser iwasslu għal aktar inklużjoni soċjali, żieda fl-aċċessibilità kif ukoll ser jintlaħaq livell ogħla ta’ indipendenza u ta’ libertà għar-residenti u għal dawk li jaħdmu fil-lokalità, speċjalment dawk bi ħtiġijiet speċifiċi u l-vulnerabbli.
Ritratti: DOI