Aċċess Għall-Ġustizzja Aktar Effiċjenti U B’Anqas Spejjeż Għaċ-Ċittadin

 Aċċess Għall-Ġustizzja Aktar Effiċjenti U B’Anqas Spejjeż Għaċ-Ċittadin

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis ħabbar żewġ emendi li ser iwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż u proċedura aktar effiċjenti f’kawżi li jittrattaw il-liġi tal-kera u l-qbiela tar-raba’.

Wara li fl-ewwel ta’ Ġunju daħlet fis-seħħ ir-riforma tal-kera rajna li l-pass li jmiss għandu jkun li jidħlu fis-seħħ dawn iż-żewġ emendi importanti. Permezz ta’ dawn l-emendi ser inaqqsu l-ispejjeż u nżidu l-effiċjenza”, qal il-Ministru Zammit Lewis.

Fid-diskors tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati spjegat li l-iskop ta’ dan l-abbozz ta’ liġi huwa li jipprovdi l-possibilità li tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol u l-ispiża fil-kisba ta’ valutazzjonijiet jew opinjonijiet tekniċi f’każijiet quddiem il-Bord li Jirregola l-Kera u l-Bord dwar il-Kontroll tal-Kiri ta’ Raba’, fejn tali valutazzjonijiet jew opinjonijiet tekniċi diġà ġew ikkonfermati minn sentenza finali ta’ qorti jew fejn hemm qbil bejn il-partijiet fil-kawża.

Hija kompliet tispjega li l-għan tat-tieni emenda huwa li jitnaqqsu drastikament l-ispejjeż relatati mal-ħatra tal-periti.  F’dan ir-rigward, il-periti maħtura bħala membri tal-bord, li jirrediġu r-rapport relatat mal-valutazzjoni kemm ta’ art jew proprejtà kienet tinħadem skont it-tariffa K tal-Skeda A tal-Kap 12, li bħala dritt seta’ jitla’ sa massimu ta’ elfejn ewro. B’din l-emenda, il-ħlas se jkun capped sa massimu ta’ ħames mitt ewro li jinkludi kull dritt u servizz mixxellanju ieħor.

Il-Ministru Zammit Lewis qabel mal-kap eżekuttiv u għalaq id-diskors tiegħu billi saħaq li dawn l-emendi se jnaqqsu d-dewmien biex kawżi ta’ dan it-tip jinqatgħu fl-iqsar żmien possibbli u japplikaw kemm għal-liġi tal-kera kif ukoll għal-liġi li tirregola l-qbiela tar-raba’. Dawn l-emendi jkomplu jkunu xhieda ħajja tal-impenn ta’ dan il-gvern fil-qasam tal-ġustizzja. Flimkien mal-emendi kollha li ġew introdotti, ir-riformi, l-investiment u d-diġitalizzazzjoni, l-għan aħħari tal-gvern jibqa’ wieħed – li iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin ikollhom aċċess għal ġustizzja xierqa, b’anqas spejjeż u aktar effiċjenti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com