Aġġornat: L-Immigrant Li Tħalla Fuq Bankina Ferut Huwa Mill-Ghana U Għandu 32 Sena

 Aġġornat: L-Immigrant Li Tħalla Fuq Bankina Ferut Huwa Mill-Ghana U Għandu 32 Sena

Fi stqarrija l-Pulizija għada kemm ikkonfermat li qed tkellem raġel Malti b’rabta mal-każ li fih raġel mill-Ghana tħalla muġugħ fuq bankina.

L-każ seħħ illum għall-ħabta ta’ nofsinhar meta l-Pulizija kienet infurmata li hemm persuna mixħuta fuq il-bankina fi Triq Selmun, il-Mellieħa.

Pulizija tal-Komunità li kienu fuq ronda fl-akwati marru minnufih fuq il-post u mal-wasla tagħhom sabu raġel mill-Ghana ta’ 32 sena li beda jitlob għall-għajnuna għax kien muġugħ.

Minnufih intalbet l-assistenza u fuq il-post wasal tim mediku bir-raġel jittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

Mill-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija tad-Distrett, assistiti mill-Pulizija tal-Komunità, irriżulta li allegatament aktar qabel, ir-raġel mill-Ghana waqa’ madwar żewġ sulari waqt li kien qed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Dun Franġisk Sciberras, fil-Mellieħa stess.

Il-Pulizija qed tkellem raġel Malti b’rabta mal-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com