Aġġornat: Raġel Arrestat Wara Li Spara Tliet Tiri Lejn Raġel Ta’ 55 Sena Fl-Iklin
Raġel ta’ 24 sena ġie arrestat wara li spara tliet tiri lejn il-persuna u laqtu b’tir minnhom fuq spalltu l-leminija.
Il-każ seħħ illum, għal xi l-3:45pm, Triq il-Wied, l-Iklin, fejn jidher li seħħet ħabta bejn Toyota Tercel u Peugeot 208, u wara qam argument bejn iż-żewġ xufiera.
Jidher li sussegwentement ix-xufier tat-Toyota, raġel ta’ 24 sena mill-Iklin, allegatament ħareġ arma tan-nar mill-vettura, spara tliet tiri lejn il-persuna l-oħra bil-konsegwenza li laqtu b’tir minnhom.
Ir-raġel ta’ 24 sena ġie arrestat fuq il-post mill-pulizija tal-RIU filwaqt li l-vittma, raġel ta’ 55 sena u residenti n-Naxxar, kien assistit minn tim mediku u ittieħed l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett u mill-Iskwadra tal-Omiċidji fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri għadhom għaddejjin.
Ritratti: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta