Akkademiċi Maltin B’Riċerka Bla Preċedent Dwar Is-Servizz Pubbliku

 Akkademiċi Maltin B’Riċerka Bla Preċedent Dwar Is-Servizz Pubbliku

Tnediet pubblikazzjoni ġdida minn akkademiċi Maltin b’analiżi wiesgħa fuq ir-riformi u l-bidliet li saru fis-Servizz Pubbliku mill-2013, iżda mqiegħda f’kuntest storiku ta’ riformi oħra preċedenti flimkien ma’ stħarriġ vast fuq l-impatti tat-tibdiliet li seħħew.

F’din il-pubblikazzjoni minn Springer, bl-edituri l-Professur Frank Bezzina, Dr Emanuel Camilleri u Dr Vincent Marmara, ġie analizzat it-tiġdid li seħħ mill-2013 ’l hawn biex inħareġ l-impatt tiegħu fuq is-servizz, fuq il-klijent u fuq l-impjegati tal-gvern. Din l-analiżi tagħti l-opportunità biex is-Ser​vizz Pubbliku jikkonsolida dak li sar u jħejji għat-tisħiħ tiegħu permezz ta’ strateġija ġdida ta’ ħames snin.

Il-ktieb ‘Public Service Reforms in a Small Island State: The Case of Malta’, tnieda mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar flimkien ma’ wieħed mill-awturi, il-Professur Frank Bezzina. Bl-ewwel riċerka dettaljata tax-xorta tagħha, dan l-istudju daħal fl-isfond storiku u analizza l-impatt soċjali li ħallew il-bidliet li saru fis-Servizz Pubbliku.

“B’kuntrast ma’ riformi oħra fil-passat, ma ħallejniex snin twal jgħaddu biex nanalizzaw il-bidliet implimentati. Ir-riċerka uriet li s-Servizz Pubbliku kapaċi jġedded lilu nnifsu biex jilħaq il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-klijenti tiegħu. Riżultat ta’ dawn ir-riformi, illum għandna Servizz Pubbliku li jaġixxi bħala aġent tal-bidla u leader f’diversi oqsma”, qal il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar.

Il-Professur Frank Bezzina sostna li r-riċerka turi li qatt ma saru daqstant bidliet fi żmien daqshekk qasir. “Il-maġġoranza tal-bidliet saru fl-aħħar snin, tant li r-riformi implimentanti bejn l-2014 u l-2017 jikkonstitwixxu 55% tar-riformi kollha tas-Servizz Pubbliku”, spjega l-Professur Bezzina.

B’din il-pubblikazzjoni, Malta issa qed isservi ta’ punt ta’ referenza għal stati gżejjer żgħar oħra, bis-Servizz Pubbliku meqjus case study mill-aqwa għal riformi fis-servizzi pubbliċi u fl-implimentazzjoni tagħhom b’suċċess.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com