Aktar Minn 200 Dar Inxtraw Permezz Tal-Home Deposit Scheme
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, waqt konferenza ġewwa t-Teatru tal-Università l-Antika, ta ħarsa ġenerali lejn il-Home Deposit Scheme, li f’sena wasslet sabiex 213-il żagħżugħ/żagħżugħa isiru sidien ta’ darhom, u għad hemm madwar 70 applikant li dalwaqt se jiffirmaw il-kuntratt finali.
Din l-iskema qed tgħin lill-first-time buyers li għandhom taħt l-40 sena li minkejja li huma eliġibbli għal self fuq id-djar, ma jkollhomx l-assi meħtieġa biex iħallsu d-depożitu ta’ 10% fuq il-konvenju. L-ammont massimu ta’ flus li l-gvern qed joħroġ huwa dak ta’ €17,500, u dawk eliġibbli ma jħallsux interessi fuq dan is-self hekk kif dan jitħallas mill-gvern.
Il-Ministru Galdes stqarr li, “Il-Home Deposit Scheme hija tassew għal qalbi, hekk kif qed tagħti daqqa t’id lill-ġenerazzjoni futura tagħna. Bħala missier nixtieq li nara lil uliedi jieħdu l-istat tagħhom u ċertament dan is-sentiment naqsmu ma’ eluf ta’ ġenituri oħra. B’din l-iskema qed ngħinu lil dawn iż-żgħażagħ jitilgħu l-ewwel tarġa u jibdew triqithom.”
Minn mindu daħlet fis-seħħ din l-iskema f’Ġunju tal-2020, sa issa, madwar 323 żagħżugħ/żagħżugħa, b’uħud minnhom koppji, applikaw biex isiru sidien ta’ darhom grazzi għas-self mingħajr interessi għall-ħlas tad-depożitu ta’ 10%, fejn is-self medju tad-depożitu kien dak ta’ €15,992.
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay, li saħaq li, “L-Awtorità tad-Djar irċeviet 205 applikazzjonijiet fl-2020 u 118-il applikazzjoni fl-2021 għall-Home Deposit Scheme. Tajjeb li ninnutaw li iktar minn nofs (63%) tal-applikanti li bbenefikaw minn din l-iskema kienu taħt it-30 sena, xhieda ta’ kemm din l-iskema marret tajjeb maż-żgħażagħ. Il-Fgura, Ħaż-Żabbar, Ħal Tarxien, San Pawl il-Baħar u Birkirkara kienu fost l-iktar lokalitajiet popolari fejn inxtraw proprjetajiet minn dawn iż-żgħażagħ benefiċjarji”.
Ritratti: DOI