Bil-Filmat: “Flimkien Ejja Nkomplu Naħdmu Sabiex Insaħħu L-Protezzjoni Ġurnalistika, Id-Drittijiet U L-Futur Tagħna Lkoll” – L-MEP Josianne Cutajar
“Kburija li waqt dan id-dibattitu nista’ nressaq ‘il quddiem il-perspettiva ta’ gzejjer bħal Malta u Għawdex, li minkejja li huma żewġ gżejjer li jidhru ‘il bogħod miċ-Ċentru, huma Ewropej u lesti li jkunu pont, mhux biss bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Mediterran, iżda anke lil hinn. Kooperazzjoni li hi essenzjali.”
Hekk fetħet id-diskors qasir tagħha l-MEP Josianne Cutajar ilbieraħ waqt id-dibattitu dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea. Matul dan id-diskors Cutajar laqgħet b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet ħidmet Malta fil-qasam tal-Istat tad-Dritt.
Hija kompliet tgħid kemm hu importanti l-enfasi fuq il-ġustizzja soċjali u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. “Għandek raġun sinjura President; il-pandemija għallmitna kemm huwa prezzjuż il-ħin” tenniet Josianne Cutajar filwaqt li saħqet kemm huwa mportanti li jkollna “Ewropa li tabilħaqq tagħti każ id-drittijiet soċjali, ġġib l-ugwaljanza fost iċ-ċittadini u fir-reġjuni varji tal-Istati Membri.”
“Irridu nassiguraw futur ta’ prosperità liż-żgħażagħ tagħna. Is-sena Ewropea ddedikata liż-żgħażagħ u l-programm speċjali għal dawk bla xogħol jew mingħajr taħriġ huma importanti fir-rigward. Għax kulħadd jistħoqqlu jesperjenza l-opportunitajiet Ewropej,” kompliet tgħid l-MEP Laburista Josianne Cutajar fid-diskors tagħha filwaqt li għalqet dan id-diskors billi laqgħet l-fatt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet ħidmet Malta sabiex tkun imsaħħa s-Saltna tad-Dritt.
“Flimkien ejja nkomplu naħdmu sabiex insaħħu l-protezzjoni ġurnalistika, id-drittijiet u l-futur tagħna lkoll,” temmet tgħid Cutajar.