Bil-Filmat: “Il-Gvern U L-Istituzzjonijiet Ma Jridux Jifhmu L-Importanza Fejn Tidħol Il-Kura Tas-Saħħa Mentali” – Julie Zahra
Din il-ġimgħa għal darba oħra Julie Zahra kandidata tal-Partit Nazzjonalista reġgħet tkellmet permezz ta’ vlogg fuq il-mezzi soċjali tagħha dwar is-saħħa mentali.
Julie tistqarr li dan huwa suġġett li jinteressa ħafna u tixtieq li tkompli taħdem sabiex l-istituzzjonijiet f’dan il-qasam jitjiebu.
Julie Zahra tgħid li 25% tal-Maltin ibatu minn kundizzjoni ta’ saħħa mentali li huwa numru għoli. Però hi tgħid li dan mhux jirrifletti fis-servizz li qed jingħata mill-isptarijiet tagħna.
Julie sostniet li “l-Gvern u l-istituzzjonijiet ma jridux jifhmu l-importanza fejn tidħol il-kura tas-saħħa mentali, appuntamenti li qed idumu xhur, trattamenti li mhux qed jittieħdu b’ċertu urġenza, outpatient li lanqas kmamar biżżejjed ma hemm biex jaraw il-pazjenti…Dawn suppost jifhmu il-problemi serji li għadna f’dan il-pajjiż fejn tidħol il-kura tas-saħħa mentali imma qishom mhux jifhmu li dawn in-nies għandhom ċertu dinjita u jistħoqqilhom kura kif suppost.”
Julie Zahra tenniet li l-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed li sptar bħal Monte Carmeli għandu jingħalaq darba għal dejjem u jinfetaħ sptar ġdid b’nies speċjalizzati u professjonali, b’ambjent adegwat kemm għal professjonisti kif ukoll għal minn qed jirċievi l-kura.