Bil-Filmat: Il-KE Tapprova €316 Miljun Għall-Pjan Ta’ Rkupru Ta’ Malta

 Bil-Filmat: Il-KE Tapprova €316 Miljun Għall-Pjan Ta’ Rkupru Ta’ Malta

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Barrakka ta’ Fuq fil-Belt Valletta, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen ħabbret li l-Kummissjoni Ewropea approvat il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta.

Dan il-pjan ta’ €316 miljun kellu kliem ta’ tifħir minn Ursola von der Leyen, fejn qalet li dan huwa wieħed mill-aktar ambjentali approvati s’issa. Fil-fatt madwar €189 miljun minn dan il-pjan ħa jkun qed jintefqu biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea faħħret ukoll il-pjan ta’ Malta fir-rigward ta’ inizjattivi diġitali, fejn Malta ressqet iżjed minn dak mitlub mill-Kummissjoni Ewropea. Aktar kmieni żaret ukoll il-bini tal-MITA fejn setgħet tara l-investimenti li saru u tifhem aħjar l-investi li ħa jkunu qed isiru fil-qasam diġitali.

Minn naħa tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela qal li dawn il-fondi li Malta kisbet se jkunu qed jgħinu biex isiru riformi importanti, fosthom fl-immaniġġjar tal-iskart, fit-trasport, fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fid-diġitalizzazzjoni, u biex inkunu carbon neutral sal-2050.

Huwa irringrazzja lill-President Ursola von der Leyen tax-xogħol li wettqet matul dawn l-aħħar sena u nofs sabiex l-Unjoni Ewropea setgħet tiġġieled il-pandemija tal-Covid-19 bir-riżorsi kollha possibbli.

Ara l-konferenza hawn:

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com