“Din Hi Li Hi” – Esebizzjoni Mill-Artist Patrick Dalli Fil-Kamra Ta’ Fuq Fl-Imqabba
It-titlu ta’ din l-esebizzjoni jagħtina ir-risposti kollha li għandna bżonn biex inkunu nistgħu niflu mill-qrib lil Dalli, hu kif inhu, l-imħabba tiegħu għan-nudo, għall-forma tal-ġisem, kif jittrasporta il-ħsieb u l-intimita’ fuq it-tila.
Din l-esebizzjoni ser tagħtina opportunita’ rari li naraw u niflu mill-qrib l-istil uniku ta’ dan l-artist eklettiku, mill-ewwel disinji u abbozzi għall-prodott finali, li kollha nafu l-uniċita’ u d-dettall fl-esekuzzjoni tiegħu sabiex joħrog is-sbuħija tagħhom. Xogħol magħmul kollu waqt sessjonijiet ma’ mudelli varji.
Dalli jagħtina il-ġisem uman, il-figura kif inhi, b’teknika unika, l’użu sever tal-linji, l-ispontanjeta’, u d-daqqiet tal-pinzel b’ritmu rapidu li flimkien mal-użu sublimi taż-żebgħa jirnexxielu joħroġ effett uniku, kważi kważi li jista’ jissejjaħ l-effett Dallist. B’konformita’ mal-pitturi ta’ Dalli magħmulin fuq skala ferm akbar, dawn it-tpinġijiet ma jagħtu l-ebda’ ħjiel jew konnotazzjoni ta’ sesswalita’ erotika, u pjuttost jelenkaw il-proċess krejattiv tiegħu. Il-figuri qiegħdin f’dinja għalihom, maqtugħin minn kull rabta li jista’ jkun hemm bejnhom u bejn dawk li b’xi mod jammirawhom u jifluhom. Saħansitra ftit mix-xogħolijiet huma kompożizzjonijiet sottili, quasi pittoreski kkrejati kompletament mill-figura jew figuri li fin fin jitmellsu intimament mal-abjad tal-karta u li jilgħabu mal-fantażija tal-moħħ b’mod li jqanqal il-ħsieb u jistimula r-ruħ.
Il-maġġor parti tax-xogħolijiet huma eżegwiti bil-faħam tal-kannol, inka u akkwarelli, flimkien ma ftit xogħolijiet biż-żejt fuq it-tila, dawn tal-aħħar reminixxenti tax-xogħolijiet aktar margħrufa tiegħu, fejn il-pittura hija aktar prominenti u x-xogħlijiet huma kif inhuma, jiġifieri skjetti u privi minn kull tixkil. Xejn m,hu ser jaqla’ l-għajnejn, il-ħsieb u t-taħbit tal-qalb minn fuq is-suġġett prinċipali – minn fuqha, fuqhom, hi li hi, huma li huma… tramite il-ġenju ta’ Patrick Dalli li jwassalhom sal-Kamra ta’ Fuq.
Aktar informazzjoni dwar Patrick Dalli: https://www.artsweven.com/patrick-dalli-more-info