Dr. Bernard Grech Jitkellem Dwar Il-Viżjoni Tal-PN Għal Għawdex
Waqt sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba organizzata mill-Partit Nazzjonalista lbieraħ filgħaxija ġewwa Għajnsielem, Għawdex, Il-Kap tal-PN Bernard Grech kien mistoqsi fuq diversi temi fosthom fuq il-konnettività bejn Malta u Għawdex.
Bernard Grech qal li Gvern ġdid Nazzjonalista ħa jkun qed jinvesti f’tal-inqas żewġ vapuri ġodda oħra. Qal ukoll li l-PN irid li jsir investiment fil-Port tal-Imġarr sabiex dan ikun iktar komdu, effiċjenti u akbar.
Mistoqsi dwar l-inġustizzji li qed jisimgħu m’għand in-nies li qed jersqu lejn il-PN, Grech qal li mhux se jkun qiegħed jittollera aktar imġieba mhux xierqa kemm jekk il-vittmi jkunu partitarji Nazzjonalisti kif ukoll Laburisti. Il-Kap tal-PN saħaq sabiex aktar nies ikomplu jersqu lejn il-Partit sabiex huma stess jkunu l-bidla li għandu bżonn dan il-pajjiż.
Mistoqsi dwar is-saħħa Bernard Grech qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jiggarantixxi li l-kura tal-kemoterapija tingħata f’Għawdex stess, u mhux ikollhom jinżlu Malta, “għaliex is-saħħa għal-PN hija prijorità.” Fl-istess waqt semma wkoll is-settur edukattiv fejn qal li studenti Għawdxin għandhom ikollhom l-istess opportunitajiet bħal dawk Maltin.
Fl-aħħar il-Kap tal-PN Bernard Grech tkellem dwar l-eks Ministru Nazzjonalista Giovanna Debono u r-raġel tagħha fejn fl-aħħar jiem ħareġ fil-beraħ li huma wkoll sofrew minn inġustizzja bil-qorti tisħaq li dak li ntqal fuqu ma kien xejn ħlief gidba.
Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista għal darb’oħra qed jkun it-tarka għal ġustizzja.