€12-Il Miljun Fi Tlestija Ta’ Xogħlijiet Industrijali Fis-Ċentral Business District Fl-Imrieħel

 €12-Il Miljun Fi Tlestija Ta’ Xogħlijiet Industrijali Fis-Ċentral Business District Fl-Imrieħel

Is-Central Business District fl-Imrieħel qed jingħata ħajja ġdida bit-tlestija ta’ xogħlijiet industrijali wara nuqqas ta’ iżjed minn ħamsa u għoxrin sena. Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri ħabbar li, b’investiment ta’ madwar tnax-il miljun ewro, li huwa tal-ewwel tax-xorta tiegħu, din iż-żona, li tkopri art id-daqs tal-Belt Valletta, rat it-tlestija tal-ewwel żewġ fażijiet minn tlieta tal-pjan tax-xogħol industrijali. Il-Ministru feraħ lis-Central Business District Foundation, li hija komposta minn membri tal-gvern u operaturi privati u mmexxija misCEO Keith Fenech, li temmet dan ix-xogħol ta’ titjib ħames snin qabel id-data prevista.

Il-Ministru Schembri spjega li l-kontribuzzjoni ta’ dan il-proġett lejn l-ekonomija huwa wieħed sinifikanti, hekk kif iżjed minn 270 negozju privat, li fil-maġġoranza tagħhom huma industriji żgħar, joperaw mis-Central Business District b’iżjed minn 100 attività kummerċjali differenti. In-numru ta’ impjegati jlaħħaq iżjed minn 12,000 u bl-iżvilupp li qed isir huwa stmat li l-attività kummerċjali f’din iż-żona se tiżdied b’madwar 50% sas-sena 2022, u se toħloq mijiet ta’ opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda fi ħdan l-operaturi. Il-Ministru saħaq li, minkejja li din hija żona industrijali, wieħed fehem li maż-żmien żdiedu wkoll ir-residenti fil-viċinanzi u għalhekk sar investiment fi proġetti li jtejbu s-sigurtà, l-indafa, it-traffiku u l-ispazji pubbliċi.

“Il-ħolma li qed inwettqu hi li qed nagħmlu mill-Imrieħel żona ta’ kummerċ u negozju mmexxija b’mod professjonali għal operat b’saħħtu u ta’ tkabbir, fejn in-negozji u l-ħaddiema għandhom punt ta’ referenza,” qal il-Ministru Schembri. Spjega li fost il-proġetti kompluti fl-ewwel żewġ fażijiet, wieħed isib:

  • Toroq: ’Il fuq minn 13-il elf metru kwadru ta’ tarmac, tiswijiet ta’ diversi bankini u parkeġġ li jinsab fit-toroq;
  • Parkeġġ u pjan tat-traffiku: Dan jinkludi ftuħ ta’ toroq ġodda, servizz tat-trasport pubbliku ġdid, kif ukoll parkeġġ temporanju fiċ-ċentru taż-żona. Infetħu wkoll diversi toroq ġodda li gawdew minnhom ir-residenti ta’ Ħal Qormi, b’nefqa ta’ ’l fuq minn €3.8 miljun mill-gvern ċentrali. Għaddej xogħol fuq triq li minnha se jibbenefikaw ir-residenti ta’ Santa Venera. Sar ukoll tranġar u upgrading ta’ żewg junctions prinċipali li jservu ta’ dħul u ħruġ mis-Central Business District;
  • LED Street Lighting Project: Wara investiment ta’ kważi €850,000, illum iż-żona għandha madwar 400 lampa LED (Energy Saver);
  • Proġett tal-għargħar: B’investiment ta’ €160,000, sar intervent sabiex tpoġġew katusi ġodda biex l-ilma jgħaddi minnhom mingħajr xkiel u jibqa’ sejjer ġos-sistema nazzjonali tal-għargħar;
  • Ġnien pubbliku: B’investiment ta’ €650,000, żona abbandunata nbidlet fi ġnien pubbliku li qed jitgawda mill-ħaddiema kif ukoll mir-residenti li jaħdmu u/jew jgħixu fl-inħawi ta’ Birkirkara. Il-ġnien jinkludi fih bankijiet, track tal-ġiri u bandli għat-tfal;
  • Pulizija fil-komunità: Iffirmat ftehim mal-Korp tal-Pulizija sabiex ikun hemm żewġ pulizija u karozza elettrika tal-pulizija jduru kuljum fil-ħinijiet tax-xogħol sabiex jedukaw u jinfurzaw iż-żona;
  • Ġbir ta’ skart: Inġabru ’l fuq min 3,137 tunellata ta’ skart;
  • Tabelli ġodda: Dawn jinkludu l-ismijiet tat-toroq kif ukoll mapep kbar f’postijiet strateġiċi sabiex juru l-ħames żoni;
  • Branding taż-żona u kodiċi postali;
  • Mobile application: Wieħed jista’ jsib informazzjoni dwar xogħlijiet u żviluppi li qegħdin iseħħu fiż-żona, speċjalment xi devjazzjonijiet tat-traffiku jew għeluq temporanju ta’ toroq.

Il-Ministru Schembri semma li fost il-proġetti li għaddej ix-xogħol fuqhom bħalissa hemm: Sistema ta’ CCTV; installazzjoni ta’ 14-il Electric Vehicle Charging Station (EVC) fiż-żona u t-tieni parkeġġ temporanju. Wara li l-fondazzjoni  rnexxielha tikri art li takkomoda ’l fuq minn 150 parkeġġ mill-privat, issa ġiet identifikata art tal-gvern fi Triq in-Negozju, biex fiha jsir it-tieni parkeġġ temporanju. Dan l-ispazju se jakkomoda ’l fuq minn 300 karozza oħra. Huwa temm id-diskors tiegħu billi rrimarka li l-pass li jmiss huwa li jsir studju fuq pjan strateġiku fit-tul sabiex iż-żona jkollha viżjoni għall-għaxar snin li ġejjin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com