€200,000 F’Fondi Għal Riċerka Biex Tiġi Żviluppata Teknoloġija Li Tgħin Fit-Tfassil Ta’ Muturi Personalizzati U Aktar Siguri

 €200,000 F’Fondi Għal Riċerka Biex Tiġi Żviluppata Teknoloġija Li Tgħin Fit-Tfassil Ta’ Muturi Personalizzati U Aktar Siguri

Riċerkaturi mid-Department of Systems and Control Engineering u d-Department of Industrial and Manufacturing Engineering tal-Università ta’ Malta, b’kollaborazzjoni mas-sieħeb industrijali WKD Works Ltd, qed jaħdmu fuq proġett li għandu l-għan li jipprovdi sistema bla preċedent li tgħin biex ittejjeb il-kumdità u s-sigurezza tal-muturi.

Waqt iż-żjara, il-Ministru Owen Bonnici seta’ jara dan il-proġett innovattiv fl-azzjoni. Il-Ministru Bonnici faħħar l-inizjattiva tar-riċerkaturi u qal li, “Dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif ir-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet konkreti li jistgħu verament itejbu l-ħajja u l-benesseri tas-soċjetà kollha. Is-sigurezza fit-toroq hija kwistjoni li taffettwana lkoll u huwa ta’ sodisfazzjon kbir li naraw lill-akkademiċi jingħaqdu mas-settur industrijali u jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi ta’ riċerka biex jindirizzaw is-sigurezza tal-muturi”.

Il-Koordinatur tal-Proġett, l-Inġ. Philip Farrugia qal, “Il-motivazzjoni għal Ride & Safe ġiet miż-żieda allarmanti fl-imwiet bil-muturi f’Malta u għalhekk iddeċidejna li niffukaw fuq approċċ li jiffoka fuq is-sewwieq innifsu u bdejna billi kkonsultajna mas-sewwieqa tal-muturi nfushom. Minbarra l-attenzjoni, li għandha tinżamm mis-sewwieq tal-mutur waqt is-sewqan, il-pożizzjoni tar-rikkieb għandha impatt kbir fuq il-mod kif jiffunzjona l-mutur”.

Jekk ir-rikkieb jipprova jadatta għal pożizzjoni mhux naturali, iċ-ċans li jagħmel żball fil-manuvri se jiżdied, minħabba għeja u tensjoni fil-muskoli. Għalhekk, jekk ir-rikkieb ikun aktar komdu u kkonċentrat waqt is-sewqan, ir-riskju ta’ inċident jitnaqqas. Grazzi għal Ride & Safe, wieħed se jkun jista’ jippersonalizza l-mutur skont il-bżonnijiet tal-ġisem u l-pożizzjoni tas-sewwieq innifsu.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com