€323,000 Għar-Restawr Ta’ Grotta Fil-Buskett

 €323,000 Għar-Restawr Ta’ Grotta Fil-Buskett

Ambjent Malta (AM) se tmexxi interventi biex tirrestawra l-istruttura monumentali ta’ grotta fil-Buskett, ħabbar il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.

Il-ministru qal li dan il-monument li ħallewlna l-gran mastri tal-Ordni ta’ San Ġwann b’dispjaċir sofra ħsarat strutturali u għal din ir-raġuni, AM se tinvesti €323,000 biex tirrestawrah.

Dan l-intervent mistenni jitlesta sal-bidu tas-sena d-dieħla.

Il-ministru spjega li l-għan tal-interventi huwa li jikkonsolida u jippreserva l-istruttura filwaqt li jsewwi kwalunkwe ħsara li ġarrbet matul is-snin. Huwa qal li l-importanza ta’ proġetti ta’ riġenerazzjoni u ta’ restawr, partikolarment fiż-żoni naturali tagħna, huma essenzjali biex nippreservaw u nipproteġu l-wirt ambjentali tagħna għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri.

L-elementi tal-grotta se jkunu mmappjati b’mod elettroniku biex iżommu l-karatteristiċi tal-istruttura tagħha.

L-aspetti kruċjali ta’ dan il-konsolidament jinkludu:

 

(i)            miżuri biex tiġi evitata aktar deterjorazzjoni tal-kaxxa-forti;

(ii)           tisħiħ strutturali ta’ elementi vertikali biex ittejjeb l-istabbiltà tal-istruttura.

 

Xogħlijiet anċillari jinkludu r-restawr tal-ġebel u xogħlijiet ta’ restawr ta’ funtani tal-grotta.

Il-Buskett huwa Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni (SAC) u għandu status ta’ Żona ta’ Protezzjoni Speċjali (SPA).

Il-Buskett, u ż-żona ta’ madwaru, huma importanti wkoll bħala punt ta’ konċentrazzjoni għall-għasafar tal-priża, li ħafna minnhom huma ta’ importanza internazzjonali. Dan ippermetta liż-żona tirċievi deżinjazzjoni kemm bħala SAC kif ukoll bħala SPA. Iż-żona tospita wkoll l-Għar tal-Inkwiżitur. Wieħed u sittin fil-mija tal-SAC, jew 149 ettaru, jikkonsistu f’art agrikola, li l-biċċa l-kbira tagħha hija irrigata.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com