“Fid-Deċiżjonijiet Li Nieħdu Ta’ Kuljum, Dejjem Inpoġġu L-Interessi Tal-Ħaddiema L-Ewwel” – Il-PM
Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mar-rappreżentanti tal-General Workers Unions (GWU) bl-għan li jkompli jisma’ ideat u proposti li se jħejju lil pajjiżna jfassal il-baġit għas-sena 2022.
Matul il-laqgħa, il-Prim Ministru qal li bħalma l-GWU tpoġġi l-ħaddiema f’pajjiżna fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha, l-istess qiegħed jagħmel dan il-gvern fit-tfassil tal-politika tiegħu.
“Fid-deċiżjonijiet li nieħdu ta’ kuljum, dejjem inpoġġu l-interessi tal-ħaddiem l-ewwel. Fit-tfassil tad-dokument tal-baġit, irridu nassiguraw li l-ħaddiema u s-suq tax-xogħol ikunu protetti u siguri”, stqarr il-Prim Ministru.
F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru nnota kif statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wriet kif matul ix-xahar ta’ Awwissu, grazzi għall-politika ta’ dan il-gvern, pajjiżna rnexxielu jikser rekord ieħor fuq dak tax-xahar preċedenti, bir-rata ta’ qgħad tkun l-inqas waħda li qatt esperjenza pajjiżna.
“F’April tal-2020 kellna għażla. Dik li mmorru għal politika tal-awsterità jew dik li nkomplu ninvestu fil-familji Maltin u Għawdxin bl-għan li nipproteġu l-impjiegi ta’ eluf ta’ ħaddiema. Illum, l-istatistika wriet li d-deċiżjonijiet li ħadna kienu korretti. Kieku ma ħadnix dawk id-deċiżjonijiet, illum qed nitkellmu fuq rata ta’ qgħad għolja ħafna”, qal Dr Abela.
Fil-konklużjoni tiegħu, il-Prim Ministru qal li jħares ‘il quddiem sabiex jara r-riżultati tal-proċess ta’ konsultazzjoni li kien nieda l-gvern fil-bidu ta’ din is-sena b’rabta mal-politika tax-xogħol għas-snin li ġejjin.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Josef Bugeja saħaq li d-djalogu soċjali huwa wieħed mill-akbar forzi ta’ suċċess li għandu pajjiżna.
“Is-soluzzjonijiet għall-isfidi tal-lum il-ġurnata nsibuhom billi niddiskutu flimkien”, qal is-Sur Bugeja.
F’dan ir-rigward, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU fakkar kif lura fil-bidu tal-pandemija, l-ispirtu ta’ djalogu soċjali wera mill-ġdid li kien ta’ suċċess.
“Niftakar li l-Prim Ministru kien talab sabiex aħna, flimkien ma’ imsieħba soċjali oħra, niltaqgħu, niddiskutu u noħorġu bis-soluzzjonijiet. Il-pandemija wriet li kienet eżempju perfett ta’ suċċess f’dan ir-rigward u hekk irridu noperaw fis-snin li ġejjin”, stqarr is-Sur Bugeja.
F’isem it-tim kollu, is-Sur Bugeja ppreżenta lill-Prim Ministru dokument bi proposti dettaljati għall-baġit li se jiġi ppreżentat f’Ottubru ta’ din is-sena.
Preżenti għad-diskussjoni kien hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, u l-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.
Ritratti: OPM