“F’Malta l-Għasel Limitat Huwa Ta’ Kwalità Għolja Ħafna” – L-Assoċjazzjoni Tan-Naħħala Malta Tiċċara S-Sitwazzjoni

 “F’Malta l-Għasel Limitat Huwa Ta’ Kwalità Għolja Ħafna” – L-Assoċjazzjoni Tan-Naħħala Malta Tiċċara S-Sitwazzjoni

Fi stqarrija li rċevejna mill-Assoċjazzjoni tan-Naħħala Malta, hija qed tikkundanna bla preġudizzju kull ħsara li ssir fuq in-naħal, u għaldaqstant tittama li l persuni responsabbli jinstab u jiġi mressaq għall-ġustizzja. Tenniet li n-naħal tal-għasel huwa protett bir-regolamenti dwar il-protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali amministrata mill-Awtorita tal-Ambjent u r-Riżorsi.

Saħqet li madanakollu nħasset il-ħtieġa li tkun iċċarata s-sitwazzjoni għax sostniet li r-rapporti huma kemmxejn bombastiċi. Spjegat kif in-naħal tal-għasel ma jingħaddx naħla naħla, “iżda bin-numri ta’ kolonji li fil-fehma tagħna artikli b‘titlu inħarqu ħajjin 1.5 millijun naħla huma immirati biex jigbdu l-attenzjoni u xejn iżjed. Għaldaqstant setgħu ddeskrivew l-inċident bħala ħruq ta’ 28-il kaxxa li skond il-vittma, kien jgħodd kolonja naħal f’kull kaxxa.”

L-Assoċjazzjoni qalet li huwa tassew inkwetanti li dan il-każ li qed jissemma bħalissa m’huwiex l-ewwel każ ta’ attakki diretti fuq kolonji ta’ naħal u li jidher illi għad m’hemmx protezzjoni biżżejjed għal min isofri danni simili. Sa
ftit xur ilu stess membri tal-istess Assoċjazzjoni ġarrbu diversi ħsarat simili fejn l-individwi vittma, għax m’humiex jirrapreżentaw kumpanija, ma sabu l-ebda appoġġ u r–rapporti tagħhom baqgħu siekta.

“Tajjeb li nghidu li f’Malta nsibu ‘l fuq min 4000 kolonja naħal tal-għasel reġistrati u mrobbija minn naħħala; b’numru iktar preċiż joħroġ fiż-żmien li ġej wara ċ-ċensiment li sar din is-sena. Minn naħa waħda, ifisser li n-naħal ta’ għasel f’Malta mhu qed jaffaċċja l-ebda periklu ta’ estinzjoni; anzi, għandna l-ogħla numru ta’ kolonji kull kilometru kwadru fl-Ewropa.”

Qalet ukoll li f’Malta, l-għasel limitat li qed jiġi prodott huwa ta’ kwalita’ għolja ħafna u uniku għal gżejjer tagħna, li għaldaqstant għadu jixraq t-titlu tal-gżira tal-għasel kif kienu semmewha oriġinarjament il-Griegi ‘Melite’. Minn naħa l-oħra is–sottopeċi endemika tan-naħla Maltija (Apis mellifera ruttneri) tinsab mhedda. Għal dan it-theddid hemm diversi raġunijeit; fost l-oħrajn it-telf tal-abitati naturali, prattiċi agrikoli ħżiena kif wkoll
pestiċidi, imma r–raġuni ewlenija hija ġejja minn taħlit ġenetiku ma’ naħal mhux lokali.

L-Assoċjazzjoni tan-Naħħala Malta tħeġġeġ lill-pubbliku biex ma jkebbisx nirien bla bżonn speċjalment f’abitati naturali fil-jiem tan-nixfa għax dawn jistghu ikunu diffiċli biex jiġu kkontrollati. “Nifhmu li meta n-nirien jkunu estensivi, l-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili jistgħu jpoġġu ħajjithom f’perikli ikbar u għaldaqstant nħeġġu għar-responsabbilta’ mill-pubbliku biex noqgħodu ferm attenti meta nkebbsu xi nirien żgħar kemm huma żgħar u ma jsirx dan fejn mhux permissibli. Barra minn hekk, nħeġġu l-protezzjoni ċivili biex jinvestu f’sistemi alternattivi tat-tifi tan-nar li permezz tagħhom jintlahaq in-nar ikun fejn ikun fl-inqas ħin possibli biex il-ħsarat jiġu mnaqqsa kemm jista jkun”, kompliet tgħid l-istqarrija.

“Sfortunatament, meta jkun hemm ħruq, nifhmu li huwa veru diffiċli biex wieħed jifhem eżatt x’ġara fin-nuqqas ta’ provi ċari anki minħabba l-fatt li l-ħruq jneħħi kważi kull prova. Għaldaqstant, huwa ta’ dispjaċir illi
tara kummenti ġejjin minn kumpanija li jitfgħu dell ikraħ fuq in-naħħala lokali. L-attakki vandali huma dejjem ikkundannati mill-Assoċjazzjoni u jibqa jsir l-appell biex in-naħħala jingħataw iktar rispett u kif ukoll trattament simili għal min jipprattika attivitajiet agrikoli oħra meta jsofru danni kkawżati minn vandali u maltempati.” Hekk temmet din l-istqarrija.

 

Ritratt: Maltabeekeepersassociation.com

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com