Fondi Biex Jiġu Restawrati Għaxar Postijiet U Monumenti Storiċi
Se jibda x-xogħol fuq għaxar proġetti li applikaw għalihom il-kunsilli lokali taħt l-iskema ta’ postijiet u ta’ monumenti storiċi f’lokalitajiet madwar Malta li ntgħażlu minn bord ta’ evalwazzjoni. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera waqt konferenza tal-aħbarijiet.
L-għaxar proġetti huma: Lion Column fil-Belt Valletta; Round Water Tower fil-Ħamrun; il-boundary wall taz-zuntier tal-knisja fir-Rabat; il-Kappella tat-Twelid tal-Madonna f’Ħal Lija; l-Istatwa ta’ San Publiju fil-Furjana; is-Salib tad-Dejma f’Ħal Qormi; l-istatwa tal-Madonna f’Ħal Balzan; l-Għajn tal-Ħasselin fl-Imsida; il-Kappella ta’ Ċejlu fil-Marsa u l-Oratorju tal-Qalb ta’ Ġesù fil-Mosta. Dawn il-proġetti se jkunu maqsuma f’żewġ fażijiet u x-xogħol ta’ dokumentazzjoni u s-surveying fuq l-ewwel ħames proġetti se jibda fil-bidu ta’ Ottubru.
Waqt il-konferenza l-Ministru Herrera tkellem dwar ix-xogħol siewi li jsir b’mod kontinwu mid-Direttorat tar-Restawr, li fost l-oħrajn jieħu ħsieb il-preservazzjoni, ir-restawr u r-riabilitazzjoni tal-fortifikazzjonijiet storiċi kif ukoll il-konservazzjoni ta’ siti storiċi importanti oħra fuq bażi regolari. Huwa spjega li għal dan l-għan, għas-sitt sena konsekuttiva d-Direttorat tar-Restawr b’kollaborazzjoni mad-Direttorat għall-Gvern Lokali ħareġ b’din l-iskema. B’kollox ibbenefikaw 24 kunsill lokali u ġew implimentati 29 proġett differenti.