Ftehim Bejn L-Awtorità Tal-Artijiet U L-Għaqda Mużikali L’Isle Adam Biex Il-Banka Tal-Lottu Li Tinsab Fid-Daħla Ta’ Palazzo Xara Tiġi Relokata

 Ftehim Bejn L-Awtorità Tal-Artijiet U L-Għaqda Mużikali L’Isle Adam Biex Il-Banka Tal-Lottu Li Tinsab Fid-Daħla Ta’ Palazzo Xara Tiġi Relokata

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, ppresieda ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Għaqda Mużikali L’Isle Adam sabiex il-binja ta’ Palazzo Xara ssaħħaħ il-valur storiku tagħha.

Il-Ministru Schembri innota kif għal dawn l-aħħar snin Palazzo Xara serva bħala s-sedja tal-Għaqda L’Isle Adam, bid-daħla tal-palazz okkupata minn banka tal-lottu. Permezz tal-ftehim, l-Awtorità tal-Artijiet ser talloka spazju ġdid għal rilokazzjoni tal-banka tal-lottu, f’post ieħor barra l-palazz, u dan b’rata ta’ kera preferenzjali li l-awtorità tapplika biss fil-każ ta’ għaqdiet volontarji. B’hekk id-daħla tal-palazz ser tingħata lura lill-għaqda mużikali u ser tkun tista’ titgawda fl-istat oriġinali tagħha.

“Dan huwa palazz majestuż b’daħla mhux dinjituża għar-rikkezzi tiegħu. Palazz li kellu xi ħaġa nieqsa. Issa ser ikollu tisbiħ fid-daħla li jixraq lil dan il-palazz. Irridu lit-tfal u ż-żgħażagħ jiġu hawnhekk bi skop kulturali u edukattiv”, qal il-Ministru Schembri.

Huwa tkellem ukoll fuq l-impenn tiegħu li jassigura li l-Awtorità tal-Artijiet f’ħidmietha tkun waħda qrib il-komunitajiet. Statistika miġbura mill-awtorità turi li madwar 15-il għaqda volontarja fis-sena, fosthom dawk kulturali jew ta’ karità, jibbenefikaw minn assistenza li tikkonsisti f’rati preferenzjali għall-kiri ta’ postijiet tal-gvern.

Il-Ministru żied jgħid li bi proġetti bħal dawn il-gvern qed ikun ta’ għajnuna għall-għaqdiet volontarji sabiex ikabbru s-servizzi tagħhom, f’dan il-każ, sabiex it-tagħlim mużikali qalb it-tfal u żgħażagħ fl-irħula jkompli jissaħħaħ. Dan filwaqt li l-potenzjal kulturali ta’ palazzi storiċi wkoll jiżdied sabiex jiġi iġġenerat iżjed kummerċ lejn l-irħula Maltin.

Il-President tal-Għaqda Mużikali L’Isle Adam, il-Perit Karm Farrugia, irrimarka fuq l-element storiku tal-għaqda li ilha imwaqqfa mill-1860. Semma kif id-daħla ewlenija ta’ Palazzo Xara, palazz barokk li jinsab fil-qalba storika tar-Rabat, se tkun aktar gawduta tul is-sena kollha, peress li tinsab ġo waħda mill-aktar toroq li minnha jgħaddu bosta turisti li jżuru l-imkejjen storiċi li jħaddan fih il-lokal tar-Rabat. Flimkien mal-kumitat qed iħares ‘il quddiem sabiex jara li dan il-palazz ikun gawdut aktar tul is-sena kollha għal pubbliku kollu.​​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com