Għandek Ċans Sa L-Aħħar Tax-Xahar Biex Tara Li Qed Fir-Reġistru Elettorali

 Għandek Ċans Sa L-Aħħar Tax-Xahar Biex Tara Li Qed Fir-Reġistru Elettorali

Il-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali jgħarraf illi d-data tal-għeluq għar-Reġistri Elettorali għall-Elezzjonijiet Ġenerali, għall-Kunsilli Lokali u għall-Unjoni Ewropea riveduti li jmisshom ikunu ppubblikati f’Ottubru hija t-30 ta’ Settembru, 2021.

Għaldaqstant il-persuni kollha ta’ nazzjonalità Maltija u tal-Unjoni Ewropea li għandhom 16-il sena u fuqhom u li isimhom ma jidhirx fir-Reġistru Elettorali ppubblikat f’April 2021, u li għadhom ma applikawx għar-reġistrazzjoni bħala votanti, għandhom japplikaw kemm-il darba jkollhom il-kwalifiki neċessarji.

Ċittadini Brittaniċi huma eliġibbli li jkunu reġistrati bħala votanti fir-Reġistru Elettorali għall-Kunsilli Lokali biss.

Fi stqarrija l-Kummissjoni Elettorali qalet li huwa fl-interess tal-votanti rreġistrati li jivverifikaw li l-partikolaritajiet personali tagħhom kif jidhru fir-Reġistru Elettorali ta’ April 2021 huma korretti. Għandhom ukoll jaraw li l-isem jew in-numru tad-dar, l-isem tat-triq kif ukoll in-numru tal-karta tal-identità tagħhom jidhru sewwa fl-imsemmijin reġistri.

Il-votanti rreġistrati għandhom jgħarrfu lill-Uffiċċju Elettorali b’kull tibdil/korrezzjoni li jkunu meħtieġa. Dawk il-persuni li jixtiequ japplikaw għar-reġistrazzjoni bħala votanti jew għal tibdil/korrezzjoni fir-Reġistru Elettorali, għandhom jagħmlu hekk billi japplikaw simultanjament għall-karta tal-identità fl-Uffiċċju tal-ID Cards għaċ-ċittadini Maltin u Residence Cards għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u Brittaniċi.

Il-Kummissjoni Elettorali qalet li l-pubbliku jista’ jara jekk hux irreġistrat bħala votant fl-aħħar Reġistru Elettorali ppubblikat billi tidħol fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali (www.electoral.gov.mt​) fis-sezzjoni ‘Pubblikazzjonijiet’ u tagħfas il-buttuna ‘Nista’ nivvota?’.

L-applikazzjonijiet kollha taċ-ċittadini Maltin iridu jaslu għand Identity Malta Agency, Gattard House, Triq Nazzjonali, Blata l-Bajda jew 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, u għal dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u Brittaniċi l-applikazzjonjiet iridu jaslu għand il-Unit tal-Espatrijati, Castagna Building, Triq il-Wied, L-Imsida jew Residence Card Unit, Ministeru għal Għawdex, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru, 2021.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com