Guardianship Deeds Ġodda Ma’ Għadd Ta’ Għaqdiet Non-Governattivi Biex Jieħdu Ħsieb Siti Ambjentali U Storiċi
Numru ta’ guardianship deeds ġew iffirmati għall-ħarsien u l-użu ta’ siti ta’ importanza; kemm mill-apsett ambjentali, kif ukoll mill-aspett storiku.
Waqt dan l-iffirmar il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal li permezz ta’ dan l-investiment qed tkompli tissaħħaħ il-kollaborazzjoni ma’ diversi għaqdiet ambjentali non-governattivi.
“Inħares lejn l-għaqdiet ambjentali bħala msieħba importanti fil-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt ambjentali ta’ pajjiżna. Qed nagħmlu dan bil-fatti, mhux bil-kliem. Dan tal-lum hu pass importanti f’din id-direzzjoni,” stqarr il-Ministru Farrugia.
Is-siti kkonċernati u l-għaqdiet ambjentali li se jkunu qed jieħdu ħsiebhom huma:
- Friends of the Earth Malta: Medda ta’ art ta’ 14,400 metru kwadru f’Kemmuna, magħrufa bħala Fuq il-Bir tat-Tiġieġ, kif ukoll il-binja magħrufa bħala l-Forn l-Antik;
- Din l-Art Ħelwa: Medda ta’ art ta’ 670 metru kwadru fil-Park Nazzjonali f’Ta Qali, kif ukoll il-binja magħrufa bħala l-Bungalow Awstraljana li se tiġi rilokata mill-Għammieri għal Ta’ Qali;
- Fondazzjoni Rurali Manikata: Is-sit magħruf bħala r-Razzet tal-Qasam li jkopri 4,022 metru kwadru, kif ukoll diversi binjiet żgħar oħrajn li jifformaw parti mill-istess sit.
Il-Ministru spjega li l-proposta ġiet evalwata mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, kif ukoll l-Awtorità tal-Artijiet, biex jiġi ssalvagwardjat l-aspett ambjentali u jiġi aċċertat l-użu siewi ta’ kull sit, partikolarment peress li wħud minn dawn is-siti huma ferm importanti għall-bijodiversità lokali, kif ukoll mill-aspett globali. Fil-fatt, uħud mis-siti jew il-viċinanzi tagħhom huma skedati u protetti peress li huma ta’ importanza ekoloġika u huma wkoll kruċjali għall-benesseri tal-komunità.
“Din il-kollaborazzjoni hija kruċjali għall-benesseri tal-ambjent Malti. L-għaqdiet non-governattivi huma l-ixprun ambjentali u element kruċjali fit-twettiq tal-miżuri ambjentali mfasslin mill-gvern. L-ambjent jista’ jiġi mmaniġġjat b’mod sostenibbli biss jekk ix-xogħol siewi u l-kollaborazzjonijiet ikomplu jitkattru mas-setturi differenti tas-soċjetà, biex ikun jista’ jsir sforz kollettiv. Fil-fatt, l-isforz favur it-titjib tal-kwalità tal-ambjent lokali jiddependi wkoll mill-pubbliku, fejn siti u strutturi bħal dawn għandhom jitgawdew b’mod sostenibbli – għall-benefiċċju ta’ kulħadd,” temm jgħid il-Ministru Farrugia.
Ritratti: DOI