“Gvern Ġdid Nazzjonalista Jagħti Serħan Il-Moħħ Lill-Għawdxin Fil-Kura Tas-Saħħa” – Il-PN
Servizz ta’ helicopter dirett minn sptar għal sptar, kemoterapija u MRI ġo Għawdex stess u investiment fi sptar ġdid ta’ 400 sodda. Hekk tgħid l-istqarrija mill-Partit Nazzjonalista fejn intqal li l-Għawdxin mhux poplu tat-tieni klassi u għandhom kull dritt għal serħan il-moħħ fuq il-kura tas-saħħa li tkun tal-anqas tal-istess livell ta’ dak provdut Malta. Dan hu l-impenn ċar ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista – jneħħi dawk l-iskumditajiet u r-riskji kollha li l-Għawdxin jgħaddu minnhom sempliċement għax jinsabu fil-gżira Għawdxija u mhux f’Malta.
Dan qaluh f’messaġġ għall-media mill-Ħeliport tax-Xewkija ġo Għawdex il-Kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius flimkien mal-Kelliem għal Għawdex Chris Said u l-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Josephine Xuereb.
Josephine Xuereb, spjegat kif l-Għawdxin li jintlaqtu mill-marda tal-kanċer jeħtieġ imorru Malta darba jew darbtejn fil-ġimgħa biex jieħdu l-kemoterapija, dan waqt li jkunu fi stat immunitarju fraġli mmens u fi stat li kull skariġġ jinħass id-doppju. ‘Din hija sofferenza li aħna impenjati li nneħħu ladarba nkunu fil-Gvern’, qalet Josephine Xuereb.
Chris Said, spjega kif Gvern ġdid Nazzjonalista jindirizza minnufih il-problema ewlenija għas-saħħa ġo Għawdex, li l-unika sptar ingħata b’konċessjoni lil Steward Helathcare li bħala kumpannija privata tpoġġi l-profitt qabel il-bżonn ta’ investiment kontinwu fil-kura tas-saħħa għall-Għawdxin. ‘Aħna nieħdu lura dan l-isptar u nibnu sptar ġdid ta’ 400 sodda biex insaħħu l-kura tas-saħħa fuq kull aspett għax l-Għawdxin ma ħaqqhom xejn anqas minhekk’, qal Chris Said.
Peter Agius, il-kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista irrefera għall-helicopters stazzjonati f’Għawdex u spjega kif pazjent li jkun fi stat ta’ emerġenza ġol-isptar ġenerali fir-Rabat irid jitqiegħed f’ambulanza u wara 10 minuti triq lejn ix-Xewkija jerġa jitqiegħed fil-helicopter lejn Malta fejn minhemm jerġa jitpoġġa ġo ambulanza oħra qabel jasal fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Dawn hu telf ta ħin li jista’ jfisser id-differenza bejn ħajja u mewt, qal Peter Agius.
Agius spjega li fil-preżent la hemm helipad fl-isptar ġo Għawdex u lanqas fl-Isptar Mater Dei għax il-helipad li kien proġettat inizjalment f’Mater Dei qed jintuża bħala parkeġġ. ‘Gvern ġdid Nazzjonalista jibni żewġ helipads fuq l-isptarijiet stess ta’ Għawdex u ta’ Mater Dei. Dan hu l-impenn tagħna għax dan hu l-bżonn li jlissnu l-mijiet ta’ Għawdxin li nżuru fid-djar’, għalaq Peter Agius.