“Gvern Nazzjonalista Jgħin Lill-Industrija Biex Tegħleb L-Iżvantaġġi Li Qed Taffaċċja” – Bernard Grech

 “Gvern Nazzjonalista Jgħin Lill-Industrija Biex Tegħleb L-Iżvantaġġi Li Qed Taffaċċja” – Bernard Grech

Fi tmiem żjara li għamel lill-kumpanija Foster Clark il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li Gvern Nazzjonalista se jgħin lill-industrija Maltija, lill-imprendituri u intrapriżi żgħar u medji bil-fatti sabiex jegħlbu l-iżvantaġġi li għandhom minħabba l-insularitá ta’ Malta.

Huwa saħaq li għall-pajjiżna, l-insularitá tfisser aktar spejjeż għall-importatur u għall-esportatur. Finalment, il-konsumatur Malti ukoll qed iħallas għal dawn l-ineffiċjenzi ġaladarba kważi kollox jiġi importat.

Bernard Grech fakkar fil-proposti li ressaq il-PN fil-ġranet li għaddew fosthom li jitwaqqaf fond nazzjonali, intiż biex il-Gvern jassisti lill-industrija lokali, imprendituri u SMEs sabiex jitnaqqsulhom id-diffikultajiet u spejjeż żejda kkawżati mill-insularitá ta’ gżiritna. Id-daqs tal-fond ivarja minn sena għall-oħra u jiddependi fuq mekkaniżmu maqbul mal-korpi kostitwiti rilevanti f’dan il-qasam. Fl-ewwel sena ta’ Gvern Nazzjonalista dan il-fond ser ikun ta’ €40 miljun.

Il-PN qed jipproponi wkoll li jsir l-investiment neċessarju f’intermodal hub internazzjonali strateġiku u ħolistiku li jgħaqqad il-merkanzija trasportata b’modi differenti minn, lejn u f’pajjiżna.

Bernard Grech qal ukoll li Gvern Nazzjonalista ħa jkun qed jinċentiva investiment fi Pjattaformi Diġitali komuni u aċċessibbli permezz ta’ Application Programming Interfaces għall-industriji, għall-imprendituri u għall- SMEs kif ukoll għall-operaturi fil-qasam u għall-entitajiet governattivi bħad-Dwana, Dipartiment tal-VAT u Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika.

Huwa temm jgħid li b’dawn il-proposti Malta tkun aktar kompetittiva u produttiva u għalhekk iwasslu biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalitá u jiżdiedu l-pagi tal-ħaddiema.

Waqt iż-żjara f’Foster Clark, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mid-deputat Jason Azzopardi u mill-kandidati Stanley Zammit, David Pace Ross, Charles Selvagi u Noel Muscat.

3

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com