Harding Jkompli Bis-Sensiela Ta’ Rebħ Fis-Salina
Għalkemm l-ebda rekord ma nkiser fis-Salina matul it-tielet tellieqa tal-Go & Fun BSJ Sprint Triathlon, is-sensiela ta’rebħ ta’ Julian Harding kompliet. Harding, favorit ċar f’dan l-istaġun, rebaħ it-tielet tellieqa tiegħu b’vantaġġ ta ‘erba’ minuti fuq Keith Galea li kiseb it-tieni post.
L-esperjenza li għandu fl-għawm Harding kienet evidenti. Hu kiseb vantaġġ tajjeb mill-bidu nett biex żamm fuq quddiem fit-tellieqa u baqa sakem kabbar id-distakk tiegħu. Harding temm it-tellieqa f’siegħa 21 sekonda. Warajh kien Keith Galea li spiċċa f’siegħa, erba’ minuti u sitta u għoxrin sekonda. Fit-tielet post, wara ġirja b’saħħita kien Jesrit Angel Camilleri li għamel ħin ta’ siegħa sitt minuti u disa’ sekondi.
Fil-kategorija femminili Lara Buttigieg kisbet it-tieni rebħa tagħha fis-serje. Hija żammet distakk komdu matul it-tellieqa kollha. Minkejja li kellha għawma tajba, Pia Zammit kella sfida mill-atleta Krista Kuusijarvi li għelbet lil Zammit u kisbet it-tieni post b’distakk ta’ disgħa u tletin sekonda. Madankollu l-prestazzjoni ta’ Zammit ratha tnaqqas kważi minuta mill-ħin tat-tellieqa preċedenti tagħha.
L-aħħar tellieqa tal-Go & Fun BSJ Sprint Triathlon Series se ssir nhar il-Ħadd 19 ta’ Settembru fis-Salina fis-7.30 ta’filgħodu. It-Tellieqa ġiet innominata bħala l-Kampjonati Nazzjonali Sprint Triathlon mill-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon.
Ritratt: Deacon Xuereb / DX Photography