Id-DPM U Ministru Tas-Saħħa Chris Fearne Jinawgura Apparat Ġdid Fis-Sir Anthony Mamo Oncology Centre

 Id-DPM U Ministru Tas-Saħħa Chris Fearne Jinawgura Apparat Ġdid Fis-Sir Anthony Mamo Oncology Centre

Illum, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura CT Scanner ġdida li se tkun qed tintuża għal iktar minn 70 sessjoni kuljum fis-Sir Anthony Mamo Oncology Center. Dan wara investiment ta’ nofs miljun ewro kofinanzjat mill-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne spjega li din il-magna se twassal għal kura aħjar u iżjed avvanzata għall-pazjenti tal-kanċer. Dan l-investiment jingħaqad mas-€60 miljun addizzjonali ddedikati għall-mediċini tal-kanċer fuq il-Formularju tal-Gvern.

“Aħna kommessi li nibqgħu ninvestu u nżidu iżjed servizzi f’kull qasam tas-saħħa, b’mod partikolari fil-qasam tal-kura tal-kanċer li hu qasam tant sensittiv”, stqarr Chris Fearne.

 

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet id-Deputat Prim Ministru stqarr li wara li tlaqqmu 91% tal-popolazzjoni eliġibbli għall-vaċċin tal-COVID-19, issa l-iktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà qegħdin jirċievu l-booster dose.

Saħaq li l-anzjani fir-residenzi tal-anzjani diġà tlaqqmu bil-booster dose u li mill-ġimgħa d-dieħla se jibdew jintbagħtu l-inviti bl-appuntamenti lill-anzjani ta’ ‘l fuq minn 70 sena li jgħixu fir-residenza privata tagħhom. Dawn mistennija li jibdew jitlaqqmu mit-Tnejn 27 ta’ Settembru 2021.

 

Rilaxx fil-mizuri tal-ivvjaġġar

“Ma rridux inħallu l-biża tal-pandemija tipparalizzana, irridu nitgħallmu ngħixu bil-COVID-19. Filwaqt li nibqgħu nużaw ix-xjenza biex nimminimizzaw ir-riskji għas-saħħa tagħna, għandna nużaw ix-xjenza biex inqarrbu lejn in-normaliltà”, qal id-Deputat Prim Ministru filwaqt li ħabbar tibdil fil-protokolli tal-ivvjaġġar lejn pajjiżi fiż-żona l-ħamra skura.

Filwaqt li fakkar li għad hemm travel ban lejn dawn il-pajjiżi, huwa ħabbar li minn nhar il-Ġimgħa persuni li għandhom ċertifikat tal-vaċċin rikonoxxut mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, u li huma fil-pussess ta’ Karta tal-Identità Maltija jew dokument ta’ residenza Malti, se jkunu jistgħu jagħmlu l-kwarantina mandatorja fir-residenza tagħhom meta jiġu lura mis-safar. Dan sakemm kull min jgħix fl-istess residenza, sa massimu ta’ erba’ persuni oħra, ikunu kollha mlaqqmin jew ikunu tfal ta’ taħt it-12-il sena. Dawn il-persuni għandhom jagħmlu t-talba biex jagħmlu l-kwarantina mir-residenza tagħhom fuq https://travelauthorisation.gov.mt/.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne stqarr ukoll li fil-jiem li ġejjin, wara diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-istabbilimenti tax-xorb u l-ikel, ser ikun hemm tibdil fil-protokolli ta’ stabbilimenti li jagħżlu li jservu biss klijenti li huma fil-pussess taċ-ċertifikat tal-vaċċin. Huwa sostna li filwaqt li din hija għażla volontarja tal-imprendituri privati, min jagħżel li jimxi ma’ dawn il-protokolli se jgawdi minn rilaxx ta’ iżjed miżuri.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com