‘Ikber Magħna’ – Proġett Biex Jgħin Tfal Vulnerabbli Fl-Istudji U Attivitajiet Edukattivi Extra-Kurrikulari
Optimist Club of Malta nieda l-ewwel proġett tiegħu ‘Ikber Magħna’, flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Birgu, fil-preżenza ta’ Dr Justyne Caruana, il-Ministru għall-Edukazzjoni. ‘Ikber Magħna’ għandu l-għan li jgħin tfal vulnerabbli ta’ bejn it-8 u l-10 snin fl-istudji u l-homework tagħhom, kif ukoll jipprovdi attivitajiet edukattivi extra-kurrikulari.
Fl-indirizz inawgurali tiegħu, is-Sur Reuben Buttigieg, President tal-Optimist Club of Malta tkellem dwar il-viżjoni tiegħu li jagħti daqqa t’id lil tfal vulnerabbli matul il-ħinijiet ta’ wara l-iskola. Huwa spjega kif skopra Optimist International, li l-missjoni tagħha hija li tgħin oħrajn f’reġjuni differenti.
Is-Sur Buttigieg irringrazzja lill-membri fundaturi l-oħra li ngħaqdu mal-Optimist Club of Malta biex wasslu li din tiġi rikonoxxuta bħala Organizzazzjoni Volontarja sa minn Ġunju li għadda. Ftit wara, Optimist avviċinat lis-Sindku tal-Birgu, is-Sur John Boxall u ntalbet l-għajnuna tiegħu fuq dan il-proġett. Is-Sur Boxall għaraf il-valur immens ta’ ‘Ikber Magħna’ u aċċetta minnufih. Saru diskussjonijiet biex dan il-proġett jinbidel f’realtà, fejn tfal vulnerabbli li għandhom bejn 8 u 10 snin issa jistgħu jsibu għajnuna kruċjali fl-istudji u l-homework tagħhom, kif ukoll igawdu minn bosta attivitajiet edukattivi extra-kurrikulari.
Is-Sur Buttigieg ikkonkluda l-indirizz tiegħu billi rringrazzja lill-isponsors numerużi li emmnu f’dan il-proġett denju u appoġġjaw bil-qawwa t-twaqqif tiegħu.
Minn naħa tiegħu, is-Sindku tal-Birgu, is-Sur John Boxall, irringrazzja lil Optimist ta’ din l-opportunità bla preċedent li tara lill-Birgu bħala l-ewwel lokalità li pparteċipat fl-ewwel proġett ta’ Optimist. Huwa enfasizza l-importanza tal-edukazzjoni għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u tenna li l-Kunsill Lokali tal-Birgu se jappoġġja bis-sħiħ din l-inizjattiva.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Dr Justyne Caruana tkellmet dwar l-importanza li nirrikonoxxu li l-edukazzjoni tal-imħuħ żgħażagħ tagħna tmur lil hinn mill-ħinijiet tal-iskola. Fid-diskors tagħha Dr Caruana stqarret li dan il-proġett se jagħti daqqa t’id lit-tfal li għandhom l-aktar bżonn.