Il-50 Konferenza Tal-BIMR Tiġi Fi Tmiem B’Diversi Suġġetti Dwar L-Impatt Tal-Pandemija Jiġu Diskussi

 Il-50 Konferenza Tal-BIMR Tiġi Fi Tmiem B’Diversi Suġġetti Dwar L-Impatt Tal-Pandemija Jiġu Diskussi

Il-50 Konferenza tal-British Isles and Mediterranean Region (BIMR) tal-Assoċjazzjoni Parlamentari tal-Commonwealth (CPA) li ġiet organizzata mill-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq fil-21 u t-22 ta’ Settembru 2021 ġiet fi tmiemha wara ġurnata oħra ta’ ħidma bil-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ deputati tal-Assembleji Leġiżlattivi ta’ Ċipru, il-Falkland Islands, il-Ġibiltà, Guernsey, Isle of Man, Jersey, Malta, l-Iskozja, ir-Renju Unit u Wales.  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia mexxa d-delegazzjoni Maltija komposta mid-Deputati Parlamentari Karl Gouder u Clyde Puli bl-assistenza tal-Iskrivan tal-Kamra Raymond Scicluna.

Matul it-tieni ġurnata tal-konferenza d-delegati nqasmu fi tliet workshops li trattaw dawn il-materji:

– It-tilqim kontra l-firxa tal-COVID-19 u r-rispons tal-pubbliku;

– L-impatt tal-pandemija fuq is-settur tat-turiżmu u x’qiegħed u x’jista’ jsir biex dan is-settur jerġa’ jirpilja; u

– L-effett li kellha l-pandemija fil-qasam tal-edukazzjoni u s-saħħa mentali.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia pparteċipa fl-ewwel workshop li tratta pjanijiet ta’ tilqim u r-rispons tal-pubbliku għall-vaċċin. Id-diskussjoni nfetħet minn Patricia Donnelly, kap tal-programm ta’ tilqim tal-Irlanda ta’ Fuq, li tat rendikont tal-pjanijiet u l-implimentazzjoni tal-miżuri li ġew meħuda fil-pajjiżi. Hija spjegat fuq liema kriterji ġew mfassla dawn il-pjanijiet u kif ġew emendati abbażi tal-iżviluppi li bdew iseħħu. Semmiet ukoll kif biex dejjem aktar nies jitħajru jieħdu l-vaċċin, partikolarment iż-żgħażagħ, l-awtoritajiet tas-saħħa marru huma għand il-pubbliku billi tellgħu materjal promozzjonali kif ukoll poġġew ċentri ta’ tilqim fi stabbiliment kummerċjali. Patricia Donnelly kkonkludiet il-preżentazzjoni tagħha billi stiednet lid-deputati preżenti biex jindikaw x’kontribut jista’ jagħti l-Parlament f’dan ir-rigward. Fl-intervent tiegħu l-Ispeaker Farrugia tkellem dwar ix-xebħ li hemm bejn dak li seħħ fl-Irlanda ta’ Fuq u Malta fejn persentaġġ għoli tal-popolazzjoni ġie mlaqqam. Huwa attribwixxa din l-istorja ta’ suċċess għall-mod professjonali kif ġew indirizzati numru ta’ problemi li rawwem sens ta’ fiduċja min-naħa tal-pubbliku fil-vaċċin. Huwa attribwixxa wkoll dan is-suċċess għall-mod kif f’Malta l-Parlament inżamm infurmat b’dak li kien qed jiġri, fost oħrajn, permezz ta’ stqarrijiet ministerjali li taw l-opportunità lid-deputati parlamentari biex jiddiskutu l-miżuri li kienu qed jittieħdu. Dan kompla saħħaħ il-parteċipazzjoni u l-aċċettazzjoni tal-pubbliku għall-kampanja ta’ tilqim kontra l-firxa tal-pandemija.

Id-Deputat Parlamentari Karl Gouder ħa sehem fit-tieni workshop li ddiskuta l-impatt diżastruż tal-pandemija fuq l-industrija tant importanti tat-turiżmu. F’dan il-workshop sar aċċenn għall-fatt li għalkemm dan is-settur qiegħed jerġa’ jiftaħ bil-mod, in-numru ta’ turisti għadu ‘l bogħod milli jilħaq il-livelli ta’ qabel faqqgħet il-pandemija. Numru ta’ delegati rrimarkaw li f’ċertu pajjiżi, kuntrarjament għal dak li ġara matul l-2020, din is-sena l-operaturi mhux qed isibu l-għajnuna tal-gvernijiet biex ilaħħqu mal-pagi bil-konsegwenza li ħafna kumpaniji f’dan is-settur qed isibuha diffiċili ħafna biex ikampaw. F’dan ir-rigward ġie diskuss ukoll in-nuqqas serju ta’ riżorsi umani minħabba l-fatt li ħafna ħaddiema b’esperjenza fil-qasam tat-turiżmu qed ifittxu impjieg f’industriji oħra. Fl-intervent tiegħu, id-Deputat Gouder tkellem dwar il-bżonn li l-parlamentari u l-gvernijiet ikunu viċin ħafna din l-industrija sabiex flimkien mal-partijiet interessati kollha jaraw li din l-industrija terġa’ tqum fuq  saqajha kemm jista jkun malajr.

“Irrid li kollha kemm aħna nieħdu aktar ħsieb it-tfal vulnerabbli u żvantaġġjati li komplew jaqgħu lura fil-perjodu tal-pandemija.” Dan qalu d-Deputat Parlamentari Clyde Puli lill-parteċipanti tat-tielet workshop li kien qed jitratta l-effetti tal-pandemija fuq l-edukazzjoni u s-saħħa mentali.  Huwa saħaq li jeħtieġ approċċ aktar ħolistiku fl-iskejjel tagħna li jħares mhux biss l-iżvilupp akkademiku imma wkoll dak emozzjonali, psikoloġiku u soċjali. Huwa qal li studji xjentifiċi juru li l-pandemija żiedet u aċċentwat il-problemi ta’ saħħa mentali, stress, ansjetà u dipressjoni fost l-istudenti. Id-Deputat Puli qal li għandna nagħmlu minn kollox biex dawn it-tfal ma jintilfux.

Iċ-Chairperson tal-Fergħa tas-CPA tal-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq William Humphrey, għalaq il-konferenza billi rrefera għall-proċeduri ġodda u teknoloġiċi li ġew introdotti fid-diversi assembleji leġiżlattivi matul dawn l-aħħar 18-il xahar biex jilqgħu għall-isfidi tal-pandemija. F’dan il-kuntest huwa stieden lid-deputati preżenti sabiex qabel jiddeċiedu dwar jekk għandhomx jinżammu tali proċeduri fil-futur, jikkunsidraw numru ta’ punti fosthom: jekk il-mezzi elettroniċi li ppermettew parteċipazzjoni virtwali fil-ħidma parlamentari kinux ta’ għajnuna għall-membri nfushom, jekk tawx leħen iktar lill-pubbliku inġenerali u minoritajiet fix-xogħol tad-diversi kumitati, u jekk għandhomx ikunu biss id-deputati parlamentari li jiddeċiedu jekk dawn il-mezzi ġodda għandhomx ikomplu jintużaw. Din il-konferenza tat l-opportunità sabiex issir evalwazzjoni tal-istatus quo tal-proċeduri formali adottati llum mill-parlamenti fid-dawl ta’ tal-esperjenza tal-pandemija tal-COVID-19.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com