Il-Fondazzjoni OASI Bi Proġetti Edukattivi Mat-Tfal U Żgħażagħ Għawdxin
Il-Fondazzjoni OASI f’Għawdex apparti x-xogħol kontinwu tagħha li tagħmel ma persuni b’vizzju ta’ droga u alkoħol fost servizzi oħrajn, ta’ kull sena tieħu ħsieb li torganizza attivitajiet edukattivi għal żagħżagħ u tfal Għawdxin.
Il-proġett ‘Youths 4 Youths’ huwa wieħed mill-proġetti li l-OASI torganizza, li għalih jattendu diversi żagħżagħ. Din is-sena attendew 34 parteċipant, bl-etajiet ivarjaw bejn 6 u 13-il sena, fejn matul din il-ġurnata li qattgħu flimkien tagħlmu diversi lezzjonijiet tal-ħajja mportanti.
Matul din it-8 edizzjoni ta’ ‘Youths 4 Youths’ il-ġurnata bdiet permezz ta’ vjaġġ lejn ir-Razzett Sperimentali tal-Gvern fix-Xewkija permezz tal-Calypso Trains. Hawnhekk it-tfal kellhom esperjenza u għarfien dwar il-fawna u l-metodi agrikoli indiġeni.
Minn hemm ‘il quddiem, it-tfal reġgħu lura għall-OASI fejn kellhom waqfa għall-ikel u l-opportunità li jsiru jafu lil xulxin. Il-ġurnata kompliet permezz ta’ logħob sportiv li ġie organizzat mis-Sinjura Mary Angie fejn l-għan kien li tippromwovi stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu, kemm fiżikament kif ukoll mentalment.
Fi tmiem l-attività, ingħata ċertifikat ta’ parteċipazzjoni lit-tfal għall-attendenza tagħhom. Din l-attività fl-aħħar mill-aħħar se tgħin lit-tfal biex jaraw il-Fondazzjoni OASI mhux biss bħala istituzzjoni, iżda bħala post sigur fejn in-nies jistgħu jfittxu l-għajnuna jekk qatt għandhom ikunu involuti fi kwalunkwe problema soċjali.
Il-Fondazzjoni OASI tixtieq tirringrazzja lill-HSBC Malta Foundation tal-għajnuna tagħhom matul is-snin. Żgur li attività bħal din ma’ tkunx possibbli mingħajr din l-għajnuna.