Il-Ftuħ Tas-Sena Skolastika Se Tara Lill-Istudenti Kollha Jieħdu Tagħlim Fil-Klassi
Nhar l-Erbgħa, fil-ftuħ tas-Sena Skolastika 2021-2022, il-prijorità hija li l-istudenti jingħataw l-edukazzjoni kif huwa d-dritt tagħhom, fil-klassi u bl-għalliema kollha li hemm bżonn kif ukoll bil-protokolli marbuta mal-prevenzjoni tat-tixrid tal-pandemija f’posthom.
Dan kien il-messaġġ ewlieni li ngħata mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet li tat flimkien mas-Segretarju Permanenti Frank Fabri, id-Direttur Ġenerali Servizzi Edukattivi Emile Vassallo, u Direttur Riżorsi Edukattivi Lucienne Calleja.
Filwaqt li tenniet li kollox jinsab lest u ppreparat għall-ftuħ ta’ din is-sena skolastika, il-Ministru Caruana qalet li l-esperjenza ta’ suċċess tas-sena skolastika li għaddiet hija l-bażi għall-ftuħ tas-sena skolastika li jmiss.
“Din is-sena qed inħaddmu l-istess proċeduri – hemm il-miżuri f’posthom u għalihom investejna aktar minn €30 miljun u għadna qed ninvestu. Bħalma ġara s-sena li għaddiet, din is-sena wkoll żviluppat il-ħtieġa ta’ aktar klassijiet, kemm minħabba l-miżuri imma wkoll minħabba numru akbar ta’ reġistrazzjonijiet ta’ studenti fil-primarja. Dan ifisser li fl-iskejjel tal-primarja nħolqot il-ħtieġa ta’ 45 klassi addizzjonali aktar mis-sena li għaddiet”, spjegat il-Ministru Caruana.
Minħabba ż-żieda tal-klassijiet inħoloq ukoll il-bżonn ta’ aktar għalliema fil-primarja minħabba r-raġunijiet imsemmija, biex kull klassi jkollha għalliem kwalifikat.
Din is-sena intużat l-istess proċedura bħalma sar is-sena li għaddiet, liema proċedura ġiet maqbula mal-Malta Union of Teachers (MUT). Għalhekk din is-sena, bħas sena l-oħra, kien hemm il-bżonn ta’ deployment ta’ 81 għalliem mill-madwar 500 għalliem peripatetiku, li kollha huma kwalifikati bħala għalliema tal-primarja. Kien hemm 22 minnhom li minn jeddhom talbu li jibdew jgħallmu fi skejjel tal-primarja u l-oħrajn kienu magħżula skont proċedura maqbula.
Il-Ministru Caruana qalet li trid isserraħ moħħ il-ġenituri u l-istudenti li nhar l-Erbgħa l-iskejjel kollha se jiftħu u kull klassi tal-primarja se jkollha l-għalliem tagħha.
Is-Segretarju Permanenti Frank Fabri qal li dwar l-għalliema peripatetiċi ma sar xejn differenti minn dak li ġara s-sena li għaddiet u li kien hemm qbil dwaru mal-union.
Biex ikun żgurat li kull klassi tal-primarja jkollha l-għalliem tagħha, u wara li l-union ħarġet direttivi lill-għalliema peripatetiċi, l-Ministeru għall-Edukazzjoni rrikorra għal mezzi legali biex jassigura l-preżenza tal-għalliema fil-klassijiet.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet intqal li hija ħasra li s-suċċess li kellna bħala pajjiż, wieħed mill-ftit pajjiżi li fih l-edukazzjoni baqgħet għaddejja fl-iskejjel, jiġi ostakolat għad-detriment tal-istudenti.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni huwa dejjem miftuħ għad-djalogu ma’ dawk kollha li huma parti mis-sħab soċjali f’dan is-settur għaliex l-edukazzjoni ta’ kwalità għal uliedna hija prijorità.