“Il-PL Ipprova Jikkopja L-Proposti Tal-PN Dwar Għawdex…Iżda Kkupjahom Nofs Leħja” – Il-PN
“Ilbieraħ Robert Abela wiegħed 50 miljun ewro f’fondi Ewropej għal Għawdex. Tajjeb kieku. Però l-Gvern Laburista kellu diġà tmien snin ċans iwettaq proġetti Ewropej iżda falla.”
Dan hu dak li qal il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex Chris Said fi stqarrija f’reazzjoni għal dak li qal il-PM Robert Abela lbieraħ f’Għawdex, filwaqt li kompla jgħid li fi tmien snin u nofs ma nefaqx ċenteżmu wieħed ta’ fondi Ewropej fuq toroq f’ Għawdex.
Chris Said qal li l-PL “tilef 4 miljun ewro ta’ fondi Ewropej għall-Mużew ta’ Għawdex li għax waqgħu lura, issa ser ikollu jitħallas minn but il-poplu meta seta’ sar mill-flus tal-Ewropa. Rema ukoll 2 miljun euro oħra ukoll meta xtraw 6 karozzi tal-linja elettriċi li flok intużaw għall-Għawdxin intefgħu żdingati f’bitħa fix-Xagħra.”
“Abela issa jrid iwebbel lil Għawdxin li ser jonfoq il-flus tal-Ewropa għal proġetti f’Għawdex meta fl-aħħar tmien snin ma rnexxielu jagħmel l-ebda proġett infrastrutturali maġġuri b’ fondi Ewropej f’Għawdex,” saħaq il-PN.
“Mhux hekk biss iżda f’Għawdex Abela naqas li jagħmel referenza għas-settur tas-saħħa fejn Gvern Laburista biegħ l-uniku sptar li hemm f’Għawdex lill-privat,” sostna Said fl-istqarrija, filwaqt li qal li Abela ma kellu l-ebda risposta għall-proposti ċari u konkreti tal-PN għall-qasam tas-saħħa f’ Għawdex fosthom li l-isptar ta’ Għawdex ma jibqax tal-privat u jinbena sptar ġdid ta’ 400 sodda u jiddaħħlu servizzi ġodda bħal dak tal-MRI u kimoterapija f’ Għawdex stess.
Il-PN qal li f’Għawdex Abela ipprova jirkeb fuq uħud mill-proposti tal-PN għall-aċċessibilitá aħjar. “Wiegħed airlink, xi ħaġa li ilha tiġi mwegħda f’disa’ budgets li saru mill-Gvern tiegħu u li baqgħet ma saritx,” tenna l-PN.
Chris Said f’isem il-PN kompla jisħaq li l-PL ipprova jikkopja wkoll il-proposta tal-PN ta’ żewġ vapuri ġodda. “Abela ikkupjahom għax ra li intlaqgħu tajjeb ħafna. Iżda kkupjahom nofs leħja,” qal Said filwaqt li kompla jgħid li “anke hawn falla għax wiegħed biss vapur wieħed ġdid u nesa l-vapur ġdid għall-merkanzija, servizz li tneħħa mill-Gvern tiegħu ħames snin ilu u baqa’ ma reġax ġie ntrodott.”
Il-Kelliem tal-PN għal Għawdex Chris Said temm l-istqarrija tiegħu billi qal li l-vapuri ġodda jeħtieġu wkoll ambizzjoni akbar għal Għawdex billi jitkabbar il-port. “Jeħtieġ ukoll ambizzjoni ġdida għall-manifattura ġo Għawdex, għalhekk gvern ġdid Nazzjonalista jara li jkun hemm vapur ukoll għall-merkanzija, biex f’Għawdex noħolqu xogħol ta’ vera, mhux dak prekarju mal-kuntrattur, u s-settur privat jerġa’ jsir il-mutur li l-Partit Laburista ħonoq u ġġamja fl-aħħar snin.”
Ritratt: Visit Gozo