Il-PM Saħaq Kif In-Nies Jafu Li L-Partit Laburista Fil-Gvern Huwa l-Aqwa Garanzija Li L-Wegħdiet Jagħmilhom Realta’.
“Il-prinċipju li aħna nemmnu li kulħadd għandu jkollu l-istess opportunita’ fil-ħajja li jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu. Dak kien il-prinċipju li welled l-iskema ‘New Hope’ u li mexxiena ‘l quddiem fit-twettiq u l-implimentazzjoni tagħha.”
Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela waqt intervista fuq ONE Radio filwaqt li spjega kif xogħol il-Gvern hu li jinċentiva lill-poplu biex joħloq imbagħad il-Gvern jagħti ċ-ċavetta biex dik il-ħolma ssir realta’.
“Għamilna riformi bla preċedent biex kulħadd ikun sid daru imma għandek realta’ oħra ta’ nies li tagħmel kemm tagħmel inċentivi, xorta se jkollhom diffikulta’ biex jaċċessaw is-suq tal-home ownership. Hemmhekk irriformajna s-b’mod radikali s-suq bir-riforma tal-kera ta’ qabel l-1995. Kull amministrazzjoni preċedenti fuq medda ta’ snin twal kienet taf kemm hi massiva din ir-riforma tant li ħallietha taħt it-tapit.”
Il-Prim Ministru semma wkoll kif dan il-Gvern ken katalista f’dan is-settur. Fl-2012 kellna 118,000 familja li kienu sidien ta’ djarhom. Illum għandna 151,000. Aktar minn 33,000 familja iżjed saru sidien ta’ djarhom
“Bħala Gvern la għandna nkkompetu mal-privat fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja imma għandna l-obbligu li nagħmlu tajjeb fejn hemm falliment fis-suq fis-sens li għandek soċjetajiet assiguratriċi li ma jridux jassorbu fuqhom dan ir-riskju kif wara kollox għandhom dritt li jagħmlu. Permezz tal-NDSF, investejna s-somma ta’ 3 miljun ewro biex tagħmel tajjeb bħala garanzija bankarja u fejn l-insurance ma tkunx lesta li toħrog il-polza ta’ assigurazzjoni, hemmhekk tagħmel tajjeb l-NDSF permezz tal-Awtorita’ tad-Djar.”
Robert Abela spjega wkoll kif jekk ma jkollokx ekonomija li trendi, dawn l-inizjattivi ma tista’ tagħmilhom qatt. Kien biss wara l-2013 li l-Partit Laburista fil-Gvern ġab l-ekonomija fuq saqajha mid-dżastru ekonomiku li ħallew ta’ qabilna, kien hemmhekk li stajna ninvestu verament fl-akbar proġetti ta’ housing soċjali.
“Din il-ġimgħa żort kumpanija li timpjega mijiet ta’ nies fil-ħamsin sena minn meta bdew jaħdmu f’Malta. Waħda mill-iktar affarijiet li laqtitni kienet il-ħolma tal-fundatur ta’ din il-fabbrika li ħarbet mit-tifrik tal-gwerra lejn pajjiż ieħor b’ta’ fuqu senduqu imma mbagħad kellu l-ħolma li rnexxielu jagħmilha realta’. Qatt daqs il-pandemija ma kellna din l-opportunita’ li turi kemm verament dan huwa Gvern li jemmen fl-importanza tas-settur privat għat-tkabbir ekonomiku tas-soċjeta’ tagħna. B’riżultat ta’ dan, in-nies baqgħu jaħdmu, komplew iżidu l-investiment tagħhom u llum qed iħarsu ‘l quddiem biex ikabbru l-operat tagħhom.”
Il-Prim Ministru qal dan fid-dawl tal-impenn li hemm biex isir l-investiment f’oqsma li jagħmlu l-produzzjoni ambjentalment sensibbli.
“Tkellimt daqs kemm kienet ta’ sfida l-pandemija hija ta’ sfida l-bidla fil-klima, u tqawwi qalbek meta tara l-industrija diġa’ qed tirkeb fuq din il-viżjoni tal-gvern. Viżjoni li mhux nitkellmu dwarha imma nimplimentawha bi grants, skemi li noħorġu bil-għan li jkun hemm din il-bidla fil-mentalità. U dan nagħmluh bl-aġenziji tal-gvern. Fosthom bi skemi għal enerġija effiċjenti u għandna pjanati skemi għal min iġedded il-makkinarju. Ħaddimna skema oħra per eżempju ta’ erba’ miljun ewro għall-kostruzzjoni biex inaqqsu l-emissjonijiet minn inġenji antiki għal ġodda b’55.%. Ekonomija b’saħħitha trid ambjent b’saħħtu u biex din il-viżjoni tirnexxi għandna bżonn lil kulħadd parteċipi. Kif rajna fis-snin riċenti, nafu kif nibdlu l-isfidi f’opportunitajiet. Nemmen li l-isfidi li għandna bħalissa se jkunu opportunità għat-tkabbir.”
Għall-kuntrarju, il-Prim Ministru qal ukoll kif in-nuqqas ta’ kredibilita’ tal-Oppożizzjoni kienet evidenti fis-settur ambjentali.
“Il-punt kollu hawn huwa wieħed ta’ kredibbiltà. Xejn iktar u xejn inqas.
Ta’ Kap tal-Oppożizzjoni li ma jitlifx okkażjoni biex jipprova jirkeb fuq ftit kritika, applikazzjoni…. hi x’inhi mingħajr ma jkun għamel il-homework sew.
Biex imbagħad dejjem jispiċċa jikkontradixxi lilu nnifsu.
Filli jgħidlek issemmix il-pjani tal-2006, u filli jiddefendihom. Mhux jiddefendihom imma jgħidlek li kienu tajbin.
Mhux jgħid l-affarijiet setgħu saru aħjar, u forsi dik storja li għad trid tinkiteb, għaliex setgħu saru aħjar minn kull lat…. imma jgħidlek li kienu tajbin.
U allura ngħid jien. Min ma ħax it-tgħalimiet kif jista’ jwiegħed li se jkun differenti, aħjar?
Jien bħala Prim Ministru, fuq oqsma differenti, ngħid kontinwament isma ejja nżommu t-tajjeb u nibnu fuqu.
Imma dak li seta sar aħjar, meta niġu biex nieħdu d-deċiżjonijiet irridu nagħmluh differenti. Hemm fejn ma tkunx tista’ treġa’’ l-arloġġ lura, imma trid turi li t-tgħalimiet ħadthom. Ħalli meta tiġi biex tieħu deċiżjonijiet oħrajn taġixxi differenti.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni dawn it-tgħalimiet ma ħadhomx. La fl-ambjent hu f’ebda settur ieħor. Għax l-attitudni tagħhom dik hi. Issaqsihom fuq id-divorzju jgħidulek li għamlu sew, issaqsihom fuq l-IVF jgħidulek li kienu għamlu sew. Ma tgħallmu xejn.”
Robert Abela saħaq kif in-nies jafu li l-Partit Laburista fil-Gvern huwa l-aqwa garanzija li l-wegħdiet jista’ jagħmilhom realta’. U hekk irridu nibqgħu nagħmlu. Għamilnieh fl-aħħar snin u hekk se nagħmlu għas-snin li ġejjin.
Huwa ħabbar ukoll Konferenza Ġenerali mis-17 sal-20 ta’ Settembru li se timmarka kif dan il-moviment se jkompli jġedded lil pajjiżna.
“Ippjanajna bħala Partit li bejn is-17 u l-20 ta’ Settembru se nkunu qed inlaqqgħu konferenza nistiednu lil kull min jemmen li għandu kontribut x’jagħti lejn pajjiżna biex eventwalment infasslu dak li aħna nemmnu fih għall-futur ta’ pajjiżna.
Il-Partit Laburista jibqa’ forza politika b’saħħitha għax huwa ħaj u mhux supperv għax jisma’ mingħand in-nies. Il-partit li għandu l-enerġija u l-motivazzjoni li jkompli jibdel il-pajjiż għat-tajjeb u għalhekk din il-konferenza se tkun okkażjoni biex nuru kif se nkomplu nġeddu lil Malta flimkien.”