Il-PN Bi Proposti Konkreti Biex Jgħin Lill-Industriji Maltin Jegħlbu L-Iżvantaġġi Fl-Importazzjoni

 Il-PN Bi Proposti Konkreti Biex Jgħin Lill-Industriji Maltin Jegħlbu L-Iżvantaġġi Fl-Importazzjoni

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Kelliem għax-Xogħol, it-Taħriġ, Kompettivitá u Intrapriża, Jason Azzopardi u l-kandidati Stanley Zammit u Noel Muscat ħabbru sensiela ta’ proposti b’saħħithom biex flimkien mal-operaturi fil-qasam tal-loġistika, imprendituri u korpi konċernati, l-industrija tkun mgħejuna tegħleb l-isfidi ta’ l-insularitá permezz ta’ strutturi effettivi u effiċjenti, infrastruttura moderna u ħadra, sistemi diġitali integrati u simplifikazzjoni ta’ proċeduri mingħajr burokrazija.

Il-Kelliema tal-PN qalu li “Malta hija gżira stat, bħal Ċipru, u allura ikkonsidrata bħala cirkostanza partikolari li timmerita għajnuna speċjali mill-Istat biex tingħeleb l-insularita’. Għall-pajjiżna, l-insularita’ tfisser aktar spejjeż għall-importatur u għall-esportatur. Finalment, il-konsumatur Malti ukoll qed iħallas għal dawn l-ineffiċjenzi ġaladarba kważi kollox jiġi importat.”

Intqal li Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista jgħin lill-industriji Maltin, lill-imprendituri u intrapriżi żgħar, medji u kbar bil-fatti sabiex jegħlbu l-iżvantaġġi li għandhom minħabba l-insularita ta’ Malta.

Matul il-konferenza l-Kelliema tal-PN qalu li Gvern Nazzjonalista joffri soluzzjonijiet billi jitwaqqaf fond nazzjonali ta’ €40 miljun, intiż biex il-Gvern jassisti lill-industrija lokali, imprendituri u SMEs sabiex jitnaqqsulhom id-diffikultajiet u spejjeż żejda kkawżati mill-insularitá ta’ gżiritna.

Il-PN qed jipproponi wkoll li jsir l-investiment neċessarju f’intermodal hub internazzjonali strateġiku u ħolistiku li jgħaqqad il-merkanzija trasportata b’modi differenti minn, lejn u f’pajjiżna. Aparti min hekk tiżdied l-aċċessibilitá għal prodotti u għas-servizzi Għawdxin għal Maltin u dawk Maltin għall-Għawdxin.

Il-proposti jinkludu wkoll inċentivi sabiex isir investiment fi Pjattaformi Diġitali komuni u aċċessibbli permezz ta’ Application Programming Interfaces għall-industriji, għall-imprendituri u għall-SMEs kif ukoll għall-operaturi fil-qasam u għall-entitajiet governattivi bħad-Dwana, Dipartiment tal-VAT u Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika.

Fl-aħħar net issemma wkoll li l-infrastruttura għanda tiġi msaħħa sabiex prodotti mixtrija mill-konsumatur Malti b’mod diġitali jaslu għandu bl-aktar mod effettiv u faċli u bl-inqas inkonvenjent u spejjeż kemm għall-konsumatur kif ukoll għall-bejjiegħ.

“B’dawn il-proposti Malta tkun aktar kompetittiva u produttiva u għalhekk iwasslu biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità u jiżdiedu l-pagi tal-ħaddiema,” temmew jgħidu l-Kelliema tal-PN.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com