Il-PN Iniedi Proposti B’Rabta Mal-Kura Tal-Kanċer

 Il-PN Iniedi Proposti B’Rabta Mal-Kura Tal-Kanċer

“Il-pazjenti bil-kanċer u l-familji tagħhom jistħoqqilhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Il-karità hija ġest nobbli u imprezzabbli iżda sfortunatament il-kura tal-kanċer saret tiddependi b’mod sporporzjonat fuq ir-rieda tajba ta’ għaqdiet u inizjattivi non-governattivi, u spiss twassal għal taqtiegħ ta’ qalb mingħajr bżonn u ineffiċjenzi fis-sistema tal-kura.”

Dan hu dak li ntqal waqt konferenza tal-aħbarijiet filwaqt li ġew imnedija diversi proposti b’rabta mal-kura tal-kanċer mill-Kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri, id-Deputat Claudette Buttigieg u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Ian Vassallo.

Il-proposti tal-PN li kienu mħabbra dalgħodu jinqasmu f’4 objettivi ewlenin.

Dawn huma li tingħata l-aqwa kura bioloġika lill-pazjenti bil-kanċer, li tiġi assigurata prevenzjoni f’waqtha qabel ma jkun tard wisq, li jiġi offrut appoġġ olistiku biex tittaffa t-tbatija lill-pazjenti u lill-familji tagħhom, u li ninvestu fl-aqwa riċerka u nesploraw l-innovazzjoni meħtieġa għall-aħjar kura għall-pazjenti bil-kanċer.

Uħud mill-proposti li l-Kelliema tal-PN ħabbru huma li jiġi allokat il-finanzjament neċessarju biex tiġi offruta l-kura mingħajr ħlas permezz ta’ mediċini first-line kif ukoll second-line li jkunu approvati mill-Aġenzija tal-Mediċini Ewropea. Dan filwaqt li l-formolarju għandu jiġi aġġornat biex joffri l-aktar mediċini ġodda mingħajr il-bżonn li l-pazjenti jiddependu fuq entitajiet oħra u li jiżgura li l-gvern iqassam il-fondi pubbliċi aħjar.

Il-PN qed jipproponi wkoll li l-programmi ta’ screening jinfetħu għal aktar etajiet biex, b’mod gradwali, jilħqu l-popolazzjoni sħiħa f’fażijiet differenti tal-ħajja filwaqt li jitnieda investiment strateġiku fl-assessjar ġenetiku (genetic testing) biex nilqgħu għall-kanċer minn kemm jista’ jkun kmieni.

Waqt din il-konferenza ntqal ukoll li l-PN qed jipproponi li jinħoloq Walk-In Clinic li jopera 24 siegħa kuljum biex jagħti assistenza immedjata lill-pazjenti u lill-familjari tagħhom. Ma’ dan, titwaqqaf sistema diġitali ta’ electronic health għall-pazjenti tal-onkoloġija li jkunu qed jiġu ttrattati mid-dar sabiex ikunu jistgħu jiġu segwiti mill-professjonisti b’mod remot u aktar effettiv.

Il-PN qed jipproponi wkoll li tiġi introdotti sistema moderna ta’ Ambulatory Chemotherapy biex il-pazjenti jkunu jistgħu jiġu assistiti minn djarhom stess. Dan jgħin biex jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjonijiet ulterjuri filwaqt li jkunu mmexxija aħjar ir-riżorsi fissi tal-isptarijiet.

Fejn tidħol riċerka l-PN qed jipproponi li jitwaqqaf Clinical Research Unit li jagħti l-opportunita ta’ trial ta’ prodotti farmaċewtiċi innovattivi. Dan mhux biss jagħti tama ġdida lill-familji permezz tal-aktar soluzzjonijiet avvanzati, iżda jkabbar il-potenzjal ta’ Malta fis-settur tal-Life Sciences.

Dawn kienu uħud mill-proposti minn total ta’ tlettax-il proposta li ġew imnedija mill-Kelliema tal-PN b’rabta mal-kura tal-kanċer. Huwa temmew jgħidu li “l-iskop ta’ dawn il-proposti hu li tingħata l-aqwa kura bioloġika lill-pazjenti bil-kancer b’emfasi fuq il-mediċinali mogħtija u għalhekk nassiguraw prevenzjoni f’waqtha bi programmi aktar adegwati u apparat apposta; jiġi offrut appoġġ olistiku biex tittaffa t-tbatija lill-pazjenti u lill-familji tagħhom, b’servizz ta’ 24 siegħa u b’kura fid-dar; u jsir investiment fl-aqwa riċerka u nesploraw l-innovazzjoni meħtieġa għall-aħjar kura għall-pazjenti bil-kanċer bit-twaqqif ta’ units speċjalizzati apposta u kollaborazzjoni internazzjonali.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com