Il-PN Iwaqqaf Bord Ta’ Esperti Biex Jisma’ Każijiet Ta’ Inġustizzji U Jagħti Rimedji

 Il-PN Iwaqqaf Bord Ta’ Esperti Biex Jisma’ Każijiet Ta’ Inġustizzji U Jagħti Rimedji

Il-Partit Nazzjonalista waqqaf grupp ta’ esperti kompost minn persuni b’esperjenza twila fl-amministrazzjoni pubblika li diġà min issa qed jilqgħu kull sottomissjoni minn individwi li sofrew inġustizzji kemm fuq ix-xogħol mal-amministrazzjoni pubblika kif ukoll fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet illum indirizzata mill-kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius, il-President tas-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista u kandidat Ivan Castillo u s-Segretarja Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista u l-kandidata Roselyn Borg Knight.

Il-kelliema tal-PN qalu li dan il-Bord ser ikun qiegħed jila’ ilmenti fuq preġudizzji kollha li saru u l-bord ta’ esperti se jipproċessa minn qabel is-sottomissjonijiet bil-ħsieb li jingħata rimedju adattat lill-individwu, jiddentifika wkoll każijiet ta’ inġustizzji li jkunu saru ma grupp aktar wiesgħa ta’ persuni f’liema każ il-grupp ta’ esperti jista’ jirrakkomanda azzjoni korrettiva mill-Gvern Nazzjonalista li tagħti rimedju lil grupp wiesgħa ta’ nies f’sitwazzjonijiet simili u tiġi rakkomandata policy alternattiva li tassigura li ma terġax isseħħ it-tali inġustizzja mal-grupp jew persuna milquta.

Waqt il-konferenza ntqal li l-PN irid li bħala Gvern alternattiv iwettaq ġustizzja kemm ma’ dawk kollha milquta minn diskriminazzjoni jew każijiet ta’ abbuż ta’ poter fl-aħħar 8 snin, kif ukoll każijiet li kienu baqgħu mingħajr rimedju adattat li saru qabel.

Il-PN tenna li huwa mpenjat li kull inġustizzja trid tiġi kkumpensata u li ma terġax issir ma ħaddieħor wara u impenjat ukoll li tiġi assigurata l-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol, partikolarment paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali.

Min sofra minn xi inġustizzja u jrid iressaq l-ilment tiegħu jista’ jagħmel kuntatt mal-Partit Nazzjonalista bit-telefon fuq 2596 5283 jew b’email fuq [email protected].

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com