Il-PN Jħeġġeġ Lill-Ministeru Tal-Edukazzjoni Biex Juri Sens Akbar Ta’ Tmexxija
“Fil-ġurnata tal-ftuħ tas-sena skolastika għall-iskejjel tal-istat, il-Partit Nazzjonalista jawgura lill-istudenti kollha sena mill-aqwa ta’ tagħlim u żvilupp personali u fl-istess waqt jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-ħidma professjonali tal-edukaturi ta’ pajjiżna.”
Dan qalu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Edukazzjoni u l-Isport Clyde Puli fi stqarrija, fejn tenna li l-PN filwaqt li jifhem iċ-ċirkustanzi partikolari li għaddejja minnhom id-dinja jħeġġeġ lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex juri sens akbar ta’ tmexxija li toħroġ mid-djalogu u mhux mill-intimidazzjoni tal-mandati t’inibizzjoni li joħonqu kull possibbiltà ta’ kunsens minsuġ fid-djalogu mill-partijiet kollha.
Il-Partit Nazzjonalista qal li jinsab mħasseb bl-aħħar serje ta’ trasferimenti ta’ edukaturi li saru bit-telefon 12-il siegħa biss qabel ma’ bdiet is-sena skolastika. “Dawn l-edukaturi ġew ordnati jirrapportaw postijiet differenti biex jgħallmu suġġett differenti mingħajr ma qalulhom eżatt liema livell se jgħallmu. Dan huwa frott nuqqas gross ta’ ppjanar li tefa s-sistema fi stat ta’ paniku. Din il-mossa ddisprata qed ittellef għal kollox is-serenità meħtieġa fost dawn l-edukaturi,” saħaq Clyde Puli.
Huwa kompla jgħid li “lill’hinn mill-aspett edukattiv dak li ġara lbieraħ juri l-faċilita li biha jkasbar id-drittijiet tal-ħaddiem dan il-gvern. Lil’hinn mill-kliem fieragħ tar-‘right to disconnect’ u ta’ rispett lejn id-data personali u l-privatezza, ilbierah il-Gvern mhux talli ma’ bagħatx email iżda talli ċempel lill-għalliema filgħaxija, fuq in-numri privati tagħhom u f’ċerti każi ċempel lis-sieħeb jew sieħba tagħhom.”
Puli temm jgħid li l-PN jrid jerġa’ jtenni l-appoġġ tiegħu lill-għalliema li llum aktar minn qatt qabel qed iħossuhom iddisrispettati u ddemotivati. Dan filwaqt li jappella għal soluzzjoni kemm jista’ jkun malajr fl-interess tat-tfal.