Il-PN Jirriserva D-Dritt Ta’ Azzjoni Legali Kontra L-PBS Fir-Rigward Ta’ Aħbarijiet Imparzjali
“L-Oppożizzjoni se tibqa’ tisħaq fuq l-bilanc u l-imparzjalitá fl-istazzjon Nazzjonali, il-PBS. Fuq kollox se tibqa’ tesponi kif l-PBS qiegħed juża r-riżorsi, mħallsa minn flus il-poplu Malti, biex jagħti aktar prominenza lill-Gvern waqt li jitfa’ lura fl-aħbarijiet u jinvesti anqas riżorsi fl-aħbarijiet marbuta mal-Oppożizzjoni.” Dan intqal ilbieraħ waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dwar dan is-suġġett.
Il-Kelliema tal-PN qalu li “mill-informazzjoni li ġiet esposta mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista sa issa, jirriżulta li kien hemm 109 kumment ta’ membri tal-Kabinett tal-Gvern, fl-aħħar xahar u nofs, li kienu b’video u sound clips fejn nisimgħu u naraw lill-Ministri jagħmlu kummenti diretti lill-camera qisu xi messaġġ ta’ propoganda politika rrekordjat mill-PBS u mxandar fl-ispazju tal-aħbarijiet. Dan waqt li ma kien hemm l-ebda kummenti diretti bħal dawn, tas-Shadow Ministers tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.”
Waqt il-konferenza tħabbar li l-PN waqqaf tim legali li qed jaħdem id f’id mat-tim li qiegħed jiġbor d-data dwar x’qed jintwera fl-aħbarijiet tal-PBS.
Il-Kelliema qali li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tirriserva d-dritt li tieħu kull azzjoni, possibilment anke azzjoni legali, sabiex tissalvagwardja d-drittijiet tagħha bħala Oppożizzjoni f’demokrazija.
Il-PN saħaq li din il-kampanja mhix waħda tal-Oppożizzjoni iżda kampanja favur il-poplu Malti u Għawdxi.
“Din il-ħidma tal-Oppożizzjoni hija favur li kull wieħed u waħda minnha ma jingħatax informazzjoni b’mezzi manipulativi jew ta’ indħil politiku imma b’mezzi li jkunu ħielsa mill-abbuż tal-poter biex tassew il-poplu jingħata l-opportunitá jifforma ideat ibbażati fuq informazzjoni mparzjali u trasparenti,” temm jgħid il-PN.