Il-President Ta’ Malta Jinawgura S-Sede L-Ġdida Tal-MUMN F’Ħal Qormi

 Il-President Ta’ Malta Jinawgura S-Sede L-Ġdida Tal-MUMN F’Ħal Qormi

Il-President ta’ Malta George Vella inawgura s-sede l-ġdida tal-Malta Union of Midwives and Nurses (l-MUMN) f’Ħal-Qormi. Il-ftuħ sar fil-jum li fih kienet iċ-ċelebrata l-25 anniversarju tat-twaqqif tal-unjin.

Qabel ma kixef lapida ta’ tifkira li tbierket mill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles J. Scicluna, il-President awgura li, bis-saħħa ta’ din il-binja l-ġdida, l-MUMN ikollha aktar spazju fejn twettaq l-għanijiet tagħha sabiex tkun dejjem ta’ appoġġ għall-ħaddiema li tirrappreżenta. B’hekk, il-pazjenti jibqgħu jirċievu l-aħjar attenzjoni possibbli. Faħħar il-ħsieb wara l-Florence Nightingale Benevolent Fund, li jkun ta’ wens għal dawk il-membri tal-unjin li jkunu huma stess għaddejjin minn problemi ta’ saħħa.

Il-President George Vella innota wkoll bi pjaċir il-fatt li l-MUMN għarfet l-importanza tat-tagħlim kontinwu fl-iżvilupp professjonali tal-membri tagħha u waqqfet il-‘Learning Institute for Healthcare Professionals’. Wera apprezzament għall-fatt li f’din l-istituzzjoni qed jiġu offruti wkoll servizzi ta’ għajnuna fil-qasam tas-saħħa mentali.

“Illum qegħdin hawn biex nagħtu ġieħ lill-infermiera u l-qwiebel kollha f’pajjiżna,” qal il-President.

“Jekk nirriflettu ftit, in-nies f’dawn il-professjonijiet isegwuna tul ħajjitna kollha, mit-twelid għal kull meta jkollna bżonn interventi mediċi matul ħajjitna. Il-pandemija tal-Covid-19 urietna l-valur imprezzabbli tax-xogħol tal-ħaddiema tas-settur tas-saħħa. Rajna kif, fil-kriżi globali li għaddejna u għadna għaddejjin minnha, huma kienu u għadhom fuq quddiem nett, f’pajjiżna bħal f’kull pajjiż ieħor, sabiex bil-ħiliet u d-dedikazzjoni tagħhom jaraw li kulħadd jibqa’ jingħata l-kura li għandu bżonn.” Huwa rringrazzjahom f’isem il-poplu kollu talli ma qatgħux qalbhom u talli dejjem żammew f’moħħhom li l-kura tal-pazjenti għandha tiġi l-ewwel u qabel kollox.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com