Il-President Ta’ Malta Jippresjedi Ċerimonja Sħiħa Tal-Kredenzjali Wara T-Tnaqqis Tar-Restrizzjonijiet Tal-Covid-19

 Il-President Ta’ Malta Jippresjedi Ċerimonja Sħiħa Tal-Kredenzjali Wara T-Tnaqqis Tar-Restrizzjonijiet Tal-Covid-19

Wara diversi xhur fejn setgħet issir biss ċerimonja ristretta tal-kredenzjali minħabba l-pandemija tal-Covid-19, nhar il-Ħamis 30 ta’ Settembru, il-President ta’ Malta seta’ jorganizza ċerimonja sħiħa tal-kredenzjali.

L-ewwel li ppreżentat l-Ittri Kredenzjali tagħha kienet l-Ambaxxatriċi tar-Repubblika Franċiża Agnès Von Der Mühll. L-iskambji ta’ natura bilaterali ffukaw l-iktar fuq it-tisħiħ tal-kuntatti fil-kummerċ, it-turiżmu u s-setturi kulturali. Dwar dan l-aħħar punt, il-President Vella u l-Ambaxxatriċi Von Der Mühll qablu li hemm potenzjal kbir li għandu jiġi sfruttat. Eżerċizzju ta’ suċċess kbir f’dan ir-rigward kien is-Simpożju Kulturali dwar Malta u Franza li l-Uffiċċju tal-President organizza f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Ambaxxata ta’ Franza f’Mejju ta’ din is-sena.

L-importanza tal-istabbiltà fil-Mediterran, b’mod partikolari fl-Afrika ta’ Fuq, ġiet enfasizzata miż-żewġ partijiet, anki b’rabta mal-istabbiltà usa’ tal-Unjoni Ewropea. Ġie diskuss ukoll tħassib komuni dwar il-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli.

Wara l-Ambaxxatriċi tar-Repubblika Franċiża kien l-Ambaxxatur tar-Renju tal-Kambodja Ket Sophann li ppreżenta l-Ittri Kredenzjali tiegħu lill-President George Vella. L-Ambaxxatur irrimarka dwar l-istorja u l-wirt kulturali eċċellenti ta’ Malta, u qal li żgur li se jkunu ta’ interess għall-viżitaturi mill-Kambodja. Fl-istess ħin, huwa enfasizza s-sodisfazzjon tal-Kambodja dwar iż-żieda fil-volum ta’ turisti Maltin f’dawn l-aħħar snin.

Il-President Vella stieden lill-Ambaxxatur jesplora l-opportunitajiet kollha ta’ koperazzjoni, anki permezz ta’ mekkaniżmi u ftehimiet bilaterali.

Imbagħad kien imiss lill-Kummissarju Għoli ta’ Barbados Milton Inniss li jippreżenta l-Ittri ta’ Kummissjoni tiegħu lill-President Vella.

Il-President Vella osserva li minkejja d-distanza ġeografika, Malta tinnota b’mod pożittiv l-istabbiliment ta’ rabtiet diplomatiċi kordjali ma’ Barbados. Bħala stati gżejjer żgħar, u bħala membri tal-Commonwealth, hemm ambitu wiesa’ għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Kummissarju Għoli Inniss qabel mal-President Vella li t-tibdil fil-klima huwa sfida globali li teħtieġ azzjoni u koperazzjoni internazzjonali.

Kemm il-President Vella kif ukoll il-Kummissarju Għoli Inniss laqgħu l-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku.

Matul ikla ta’ nofsinhar mal-Ambaxxaturi u l-Kummissarju Għoli rispettivi, il-President Vella ħeġġiġhom kollha biex ikomplu jesploraw il-possibbiltajiet numerużi li toffri Malta u ħeġġiġhom ukoll iżuru l-pajjiż b’mod kemm jista’ jkun frekwenti. Il-President Vella żied jgħid li Malta tappoġġja bis-sħiħ il-multilateraliżmu u spjega li approċċ multilaterali għall-kwistjonijiet u l-kriżijiet globali jkun ta’ benefiċċju għall-partijiet kollha involuti.

Ritratti: DOI, OPR

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com