Il-Pulizija Rnexxilha Tkisser Ċirku Ta’ Kriminalità Organizzata Minn Barranin F’Malta
Il-Pulizija arrestat tlett irġiel mir-Rumanija ta’ 54, 40 u 39 sena rispettivament, li jiffurmaw parti minn grupp ta’ ċirku ta’ kriminalità organizzata internazzjonali li jwettaq serq magħruf bħala ‘pickpocketing’.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-grupp ta’ kriminali jmorru fejn ikun hemm postijiet iffullati, l-iktar fuq karozzi tal-linja sabiex jużaw ir-rassa bħala għodda u jisirqu l-vittmi tagħhom.
Permezz tal-kunċett ta ‘Intelligence-Led-Policing’, il-Korp tal-Pulizija qiegħed ikun pro-attiv f’dawn it-tip ta reati. L-investigazzjonijiet tmexxew b’mod konġunt bejn diversi Branki Speċjaliżżati u Distretti. Minn dawn l-investigazzjonijiet irriżulta li s-suspettati allegatament wettqu s-serq f’Malta fi ftit jiem matul ix-xhur tas-sajf illi għadda u telqu immedjatament għal pajjiż ieħor.
Permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ pajjiżi barranin, flimkien mal-Europol u l-Interpol, irriżulta li l-persuni ilhom iwettqu dawn ir-reat f’diversi pajjiżi fl-Ewropa li jattiraw turisti mill-2010.
L-‘Intelligence-Led-Policing’ wassal biex ikun magħruf li l-irġiel kienu se jerġgħu jiġu Malta t-Tnejn illi għadda waranofsinhar b’titjira minn Budapest, fl-Ungerija. Fl-ajruport, il-Pulizija osservawhom jaqbdu karozza tal-linja, segwewhom sa lukanda f’San Ġiljan u ġew arrestati.
It-tliet Rumeni mistennija jitressqu l-Qorti llum, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Charmaine Galea.
Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta