Illum L-Istazzjon Tar-Radju Tal-PN Jgħalaq 30 Sena Jxandar
Illum l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista jgħalaq 30 sena jxandar.
“30 sena ilu xandar għall-ewwel darba Radio 101, illum NET FM – deċiżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista li ġabet qabża demokratika f’pajjiżna bl-introduzzjoni tal-pluraliżmu tax-xandir,” kiteb dalgħodu l-Kap tal-PN Bernard Grech fuq il-mezzi soċjali tiegħu.
Huwa tenna li “dak kien mument kruċjali fl-istorja ta’ Malta meta konna ħerġin minn żmien ikrah fejn l-istat kien qed jagħmel minn kollox biex ikollu kontroll tal-aħbarijiet u x-xandir f’pajjiżna.”
Fil-messaġġ tiegħu Bernard Grech fakkar li dak iż-żmien Eddie Fenech Adami ħasibha differenti. “Ried ikun il-bidla. Ried li jagħti l-libertà tal-espressjoni, li qabel dakinhar kienet maħnuqa u mxekkla,” saħaq il-Kap tal-PN.
Huwa temm il-messaġġ tiegħu billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha ta’ NET FM, “tal-lum u tal-passat, għall-ħidma tagħhom biex ixandru u jwasslu l-messaġġ.”