Imħabbar Proġett Fuq Studju Dwar L-Integrazzjoni Tal-Immaniġjar Tas-Sajd U Dak Konservattiv
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u -Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, inawguraw proġett li qed jitwettaq mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru tal-Agrikoltura, l-Akkwatika u x-Xjenzi tal-Annimali fl-MCAST. Dan il-proġett li qed jiġi implimentat taħt l-awspiċji tal-MAVA Foundation, u huwa parti minn kollaborazzjoni reġjonali flimkien ma’ pajjiżi oħra fil-Mediterran, bl-għan li nifhmu mill-qrib dawn l-fenomeni soċjo-ekologiċi bejn is-sajd u ċ-ċetaċji fosthom id-dniefel.
Il-Ministru Anton Refalo qal li dan huwa studju li huwa ffokat fuq l-integrazzjoni tal-immaniġġjar tas-sajd u dak konservattiv biex b’hekk titnaqqas id-depredazzjoni taċ-ċetaċji fuq is-sajda tal-pariti, biex fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw kemm is-sajjieda lokali, kif ukoll il-popolazzjonijiet taċ-ċetaċji fl-ibħra tagħna.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana tkellmet dwar l-importanza tar-riċerka fl-edukazzjoni, li qed tmur lil hinn mill-konfini tal-istituzzjonijiet edukattivi. “Qed naraw l-MCAST f’kollaborazzjoni oħra, din id-darba mad-Direttorat tas-Sajd u l-Akwakultura, biex bl-għarfien tagħha tgħin f’dan il-proġett u studji importanti għas-sajjieda. Dan mhux ġej biss min-naħa tal-edukaturi, imma qed naraw l-istudenti fi ħdan l-MCAST jipparteċipaw b’mod sħiħ f’dan il-proġett biex dak li qed jitgħallmu jkunu qed jagħmluh ukoll fil-prattika”, kompliet il-ministru.
“Fl-MCAST qed ninvestu fir-riċerkaturi tagħna għax nemmnu li r-riċerka twassal għall-iżvilupp tal-kulleġġ u hija pilastru tal-edukazzjon terzjarja f’pajjiżna. B’din ir-riċerka id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura u ċ-Ċentru tal-Agrikoltura, l-Akkwatika u x-Xjenzi tal-Annimali fl-MCAST, qed jaħdmu ma’ riċerkaturi minn Spanja u mill-Italja biex jifhmu aħjar il-ħlejjaq fl-ibħra tagħna bħad-dniefel u l-impatt tas-sajd. Hemm bżonn ta’ riċerka applikata ta’ kwalità li tindirizza problemi f’oqsma differenti u li r-riżultati jistgħu jiġu utilizzati mill-industrija sabiex itejbu l-operat tagħhom. L-MCAST se tkun fuq quddiem f’dan il-qasam u biex tkun qrib l-isfidi f’setturi diversi tal-komunità bħal fil-każ tas-sajjieda”, qal il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja.
L-esperta tas-sajd fi ħdan il-MAFA, Dr Alicia Bugeja Said, spjegat li, “B’din ir-riċerka tal-interazzjoni se nipprovdu parir xjentifiku ta’ kif l-aħjar nimplimentaw il-ġestjoni tas-sajd u l-interazzjoni mac-ċetaċji fil-Mediterran. B’dan il-mod ikollna stampa olistika li biha anke nkunu nistgħu nipproponu miżuri reġjonali fl-ogħla istituzzjonijiet sabiex nagħtu s-sostenn lis-sajjieda kollha.” Hi saħqet li permezz ta’ din ir-riċerka ix-xjentisti se jistudjaw l-impatt tad-depredazzjoni filwaqt li jittestjaw teknoloġija mitigattiva sabiex innaqqsu l-interazzjonijiet. B’dan il-mod nippreservaw is-settur tradizzjonali tas-sajd u l-komunitajiet tas-sajjieda, kif ukoll biex nikkonservaw il-popolazzjonijiet taċ-ċetaċji fl-ibħra tagħna.
Dan l-istudju huwa mqassam f’żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi, li bdiet fl-2019, inġabret informazzjoni li ntużat sabiex jiġu kkwalifikati u kkwantifikati il-fatturi ta’ depredazzjoni fuq is-sajd artiġġjanali. Dan sar billi flimkien mal-istudenti ġew investigati r-realtajiet li jaffaċċjaw is-sajjieda fejn tidħol id-depredazzjoni taċ-ċetaċji fid-diversi portijiet tas-sajd ewlenin ta’ Malta. Infatti, dan l-istudju wera li iktar minn tliet kwarti tas-sajjieda intervistati esperjenzaw interazzjonijiet tac-ċetaċji mal-irkapti tagħhom, u nnutaw li dan il-fenomenu qiegħed dejjem jiżdied.
It-tieni fażi tal-proġett se tkun immirata lejn informazzjoni u esperimenti mas-sajjieda direttament waqt is-sajdiet tal-pariti. Dan huwa meqjus bħala stil ta’ mmaniġġjar kooperattiv u parteċipattiv, peress li s-sajjieda se jkunu fiċ-ċentru tar-riċerka flimkien max-xjentisti tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura kif ukoll l-MCAST, sabiex jiksbu informazzjoni dwar id-depredazzjoni u l-hotspots taċ-ċetaċji.
Ritratti: DOI