Imniedi L-Programm Sportiv ‘On The Move’ Għall-Istaġun Tax-Xitwa

 Imniedi L-Programm Sportiv ‘On The Move’ Għall-Istaġun Tax-Xitwa

Wara s-suċċess li kellu l-programm Summer On The Move matul is-sajf, għal sena oħra, SportMalta qed tniedi l-programm għall-istaġun tax-xitwa. Għal matul l-istaġun tax-xitwa, il-programm se jkun qed joffri iktar opportunitajiet biex tfal u adulti jkunu attivi fiżikament u jipprattikaw l-isport favorit tagħhom. Matul dan il-programm ser ikunu qed jissaħħu l-akkademji biex jingħataw iktar opportunitajiet lit-tfal kollha biex jilħqu livelli ogħla fl-isport.

Minbarra l-programm tax-xitwa On The Move, SportMalta qiegħda tniedi wkoll kampanja sportiva u edukattiva għall-pubbliku. Fl-isfond fejn hemm perċentwali dejjem jiżdiedu ta’ nies madwar l-Unjoni Ewropea li ma jagħmlux attività fiżika jew jagħmlu sport, SportMalta – bħala parti mill-missjoni tagħha li tmexxi lil Malta permezz tal-promozzjoni u l-iżvilupp tal-isport għal Malta b’saħħitha, inklussiva u ta’ suċċess, u fil-pożizzjoni tagħha tal-Korp Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport – bdiet kampanja speċjali biex tilħaq l-għanijiet tagħha.

Il-kampanja tikkonsisti f’numru ta’ filmati b’temi differenti, liema filmati juru eżempji u possibilitajiet ta’ kif tkun attiv permezz tal-isport u l-edukazzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima esprima s-sodisfazzjon tiegħu għas-suċċess li kellu l-programm Summer On The Move u ħabbar li għall-programm tax-xitwa diġà ġew sottometti 1,000 applikazzjoni.

Qal ukoll li dawn il-programmi, minbarra li l-għan ewlieni tagħhom huwa l-attiviżmu sportiv minn etajiet żgħar, jibagħtu l-messaġġ li l-isport huwa għal kulħadd irrispettivament mill-etajiet u mir-riżorsi tal-persuna. “Il-gvern, flimkien ma’ SportMalta, jħarsu ‘l quddiem biex ikunu mħejjija aktar programmi u kampanja biex ikollna poplu aktar attiv u fiżikament u mentalment b’saħħtu”, ikkonkluda s-segretarju parlamentari.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta saħaq dwar kif l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport kienet ta’ suċċess kbir. L-attvitajiet kellhom rispons tajjeb mill-pubbliku inġenerali, atleti, klabbs u assoċjazzjonijiet. Għaldaqstant, bħala entita dinamika, SportMalta nediet kampanja medjatika dwar l-edukazzjoni u l-isport u dwar il-bżonn li jkun hemm iktar volontarji fil-qasam sportiv, issa li waslu avvenimenti kbar f’pajjiżna bħall-Ispecial Olympics 2022 u l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa fl-2023.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com