“Ineżżagħha U Jkollu X’Jaqsam Magħha U Hija Tibki…Dak Rajtu U Smajtu Jiena” – 8 Snin Ħabs Għal Raġel Li Stupra Mara Aktar Minn Darba

 “Ineżżagħha U Jkollu X’Jaqsam Magħha U Hija Tibki…Dak Rajtu U Smajtu Jiena” – 8 Snin Ħabs Għal Raġel Li Stupra Mara Aktar Minn Darba

Il-Qorti kkonfermat sentenza ta’ tmien snin ħabs lil David Nicholas Xuereb ta’ 48 sena mill-Floriana wara li nstab ħati li stupra mara li riedet ittemm ir-relazzjoni sigrieta miegħu.

Il-Pulizija bdiet tinvestiga dan il-każ fl-2017 wara li oħt il-vittma kienet marret tagħmel rapport l-għassa tal-Belt wara li kienet irċeviet filmati ta’ oħtha f’attività sesswali ma’ Xuereb.

Dawn il-filmati ta’ kull att sesswali li kellhom flimkien nġibdu bil-moħbi minn Xuereb fl-uffiċju tiegħu fil-Belt Valletta.

Il-vittma qalet li għall-bidu din ir-relazzjoni intima li kellhom flimkien kienet bil-kunsens tagħha. Hija qalet però li meta riedet twaqqaf ir-relazzjoni, Xuereb sar ossessjonat u beda jheddidha u jirrikattaha.

Minħabba dawn ir-rikatti fosthom li bdiet tibża li s-sieħeb tagħha jsir jaf b’din ir-relazzjoni hija baqet tmur għand Xuereb però fil-filmati jidher li l-vittma kienet skomda u ma ridietx ikollha x’taqsam iktar ma’ Xuereb. Fil-filmati tidher tinfaqa tibki kif ukoll qabel kull attività sesswali kienet tgħidlu li ma riditx ikollha x’taqsam aktar miegħu.

L-ispettur Buhagiar xehdet li f’wieħed mill-filmati “Tidher li qiegħda tibki u David qed ineżżagħha u jkollu x’jaqsam magħha u hija tibki…dak rajtu u smajtu jiena.”

Fil-Qorti ġew preżentati lista twila ta’ messaġġi ta’ theddid li beda jibgħatilha Xuereb, fejn fost l-oħrajn, qalilha li jekk ried seta’ jirvinaha u li jaf ikun l-iktar raġel selvaġġ fuq wiċċ id-dinja.

Ġew preżentati ukoll diversi messaġġi tal-vittma li juru kemm il-mara kienet imdejqa, iżda xorta baqgħet tiltaqa’ ma’ Xuereb minħabba t-theddid u r-rikatt tiegħu.

F’sentenza ta’ aktar minn 50 paġna l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech saħqet li post Xuereb mhux fis-soċjetà. Hu ġie kkundannat 8 snin ħabs fejn il-Maġistrat talbet li waqt li jkun qed fil-ħabs jieħu trattament u kura biex jindirizza l-problema kbira ta’ impulsivita’ tiegħu.

Ritratt: Shutterstock

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com