Investiment Ta’ €400,000 F’Dawl Ġdid Għall-Knisja Kolleġġjata Ta’ Marija Bambina Tan-Naxxar
Aħbar sabiħa għan-Naxxarin propju f’lejliet il-Festa ta’ Marija Bambina hekk kif l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) ħabret li se tinvesti €400,000 fi proġett li jikkonsisti f’disinn u f’installazzjoni ġdida ta’ dawl mal-faċċata tal-Knisja Kolleġġjata ta’ Marija Bambina fin-Naxxar.
Ix-xogħlijiet mistennija jsiru fuq il-faċċata ewlenija, l-erba’ kampnari kif ukoll l-elevazzjonijiet tal-ġenb. Dan il-proġett huwa ddisinjat b’mod li jippermetti l-leġġibilità arkitettonika tal-knisja.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg u tal-Arċipriet tal-Knisja Kolleġġjata Marija Bambina Dun David Gauci.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li dan l-investiment huwa turija ċara ta’ kemm dan il-gvern qed iħares lejn futur turistiku li minnu jgawdi kulħadd.
“It-turiżmu ma jridx ikun biss assoċjat max-xemx u mal-baħar imma għandna l-opportunità li permezz tan-niċeċ ġodda, fosthom it-turiżmu reliġjuż, nuru lit-turisti t-tradizzjonijiet kulturali u reliġjużi tal-ibliet u tal-irħula lokali kollha”.
Huwa żied jgħid li l-investiment infrastrutturali jibqa’ kruċjali biex pajjiżna jkompli jsaħħaħ il-kompetittività tiegħu fid-dinja tal-ospitalità.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg qal li l-MTA, flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, ftit tax-xhur ilu ħabbret sensiela ta’ proġetti li bħalissa jinsabu għaddejjin, intiżi sabiex isaħħu n-niċċa tat-turiżmu reliġjuż, liema proġetti fost l-oħrajn huma marbuta mat-tlestija tal-mużew parrokkjali fin-Naxxar, sabiex ikun jista’ jitgawda kemm mill-Maltin u anke mit-turisti.
“Bi pjaċir illum qe inwelldu proġett ieħor fejn se naraw li ż-żona taz-zuntier tal-Kolleġġjata tan-Naxxar tingħata libsa ġdida li tikkumplimenta d-diversi attrazzjonijiet li jinsabu f’din iż-żona,” temm jgħid is-Sur Johann Buttigieg.
Ritratti: DOI