Investiment Ta’ €85,000 F’Sistema Robotika Mmirata Biex Tassisti Tfal Bl-Awtiżmu

 Investiment Ta’ €85,000 F’Sistema Robotika Mmirata Biex Tassisti Tfal Bl-Awtiżmu

L-Aġenzija Residenza Malta qiegħda tiffinanzja inizjattiva taċ-Ċentru tal-Litteriżmu fl-Università ta’ Malta bl-isem EduRoboKids, proġett ta’ riċerka u żvilupp li jiffoka fuq l-interazzjoni bejn it-tfal u r-robots fil-kuntest tat-tagħlim, il-familja u l-iskola.

Il-proġett ta’ sentejn għandu l-għan li jistudja aspetti differenti ta’ interazzjonijiet bejn l-umani u r-robots, kif it-tfal jirrispondu għar-robots verbalment u emozzjonalment f’sitwazzjonijiet ta’ tagħlim u x’tip ta’ soluzzjonijiet joħorġu bihom it-tfal għal problemi li jiltaqgħu magħhom meta jikkomunikaw mar-robots.

L-Aġenzija Residenza Malta allokat €85,000 fuq sentejn għar-riċerka u l-iżvilupp neċessarju għal dan il-proġett, li se jibda b’mod immedjat. Tliet robots se jiġu mixtrija, bl-għan li jassistu tfal bejn is-seba’ u l-għaxar snin fuq l-ispettru tal-awtiżmu.

Il-Professur Charles L. Mifsud, direttur taċ-Ċentru għall-Litteriżmu, u l-persuna li qed jixpruna l-proġett, introduċa lil Tommy r-robot lill-mezzi tax-xandir u, spjega kif permezz ta’ din l-inizjattiva t-tfal se jkunu jistgħu jinteraġixxu ma’ social robot, jipprogrammawh, iħarrġuh biex jiftakar u jitgħallem matul iż-żmien u jkollhom konversazzjonijiet riflessivi ma’ tfal oħra f’dan il-kuntest.

“Dawn ir-robots soċjali se jaġixxu bħala kumpanji tat-tagħlim għat-tfal. Mhux se jservu bħala sostitut għall-għalliema. Hemm evidenza ta’ riċerka internazzjonali intiża li turi li robots soċjali bħal dawn intużaw b’mod effettiv ma’ tfal li affaċċjaw diffikultajiet fit-tagħlim, speċjalment dawk fl-ispettru tal-awtiżmu,” qal il-Professur Mifsud.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li, “M’hemmx investiment aħjar li nistgħu nagħmlu bħal dik fl-edukazzjoni ta’ uliedna, li se jsiru ċittadini ta’ għada. Għandna pjaċir li qegħdin nagħtu appoġġ lil din l-inizjattiva, bħala parti mir-responsabbiltà soċjali u korporattiva ta’ Aġenzija Residenza Malta. Huma dawn l-opportunitajiet li juru b’mod ċar kif id-dħul mill-investiment barrani jista’ jkun skjerat lejn inizjattivi soċjali li tgawdi minnhom il-komunità”.

Charles Mizzi, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Residenza Malta, qal li, “Din l-inizjattiva tmur ħafna mal-valuri tagħna, li waħda minnhom hi li nibnu konnessjonijiet bejn il-benefiċċjarji tagħna u l-komunità, billi nappoġġjaw proġetti lokali li jagħtu valur lis-soċjetà.”

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com