Ippubblikati Standards Li Se Jirregolarizzaw Is-Servizzi Għall-Persuni Bid-Dimensja

 Ippubblikati Standards Li Se Jirregolarizzaw Is-Servizzi Għall-Persuni Bid-Dimensja

Wara konsultazzjoni wiesgħa li kienet saret mal-pubbliku, ġew ippubblikati standards għall-persuni bid-dimensja li se jkunu qed jindirizzaw nuqqasijiet li kien hemm fil-leġiżlazzjoni ta’ pajjiżna u li permezz tagħhom se jkun hemm ir-regolarizzazzjoni tas-servizzi eżistenti.

Waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li llum, it-28 ta’ Settembru 2021, ġie ppubblikat l-avviż legali li se jirregola dawn l-istandards, u dan wara li ftit tal-ġimgħat ilu ġew ippubblikati l-istandards għas-servizzi residenzjali għall-anzjani.

Il-Ministru Farrugia qal li dawn iż-żewġ standards flimkien għandhom iwasslu biex jissimplifikaw iktar il-proċessi sabiex jipprovdu servizz effiċjenti u effettiv.

Il-Ministru tkellem dwar il-ħidma tal-gvern preżenti fil-qasam tad-dimensja u, fost inizjattivi oħrajn, fakkar kif fil-ġranet li għaddew infetaħ l-ewwel day-night shelter fl-Imtarfa għal persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni, waqt li ċentru ieħor se jkun qed jiftaħ sal-aħħar ta’ din is-sena f’Ħal Safi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Standards Ħarsien Soċjali Angele Ellul Fenech qalet li dawn l-istandards tfasslu wara konsultazzjoni wiesgħa mal-qraba tal-persuni, kif ukoll ma’ professjonisti f’dan il-qasam.

L-istandards jistabbilixxu r-responsabbiltajiet li għandhom dawk li jipprovdu s-servizz lejn ir-residenti li jgħixu bid-dimensja. Dawn ir-responsabbiltajiet japplikaw għal kull residenza.

“Min-naħa l-oħra, l-istandards jaraw ukoll li l-persuni bid-dimensja jingħataw l-istess drittijiet bħal persuni oħra, li jgħixu fl-istess djar residenzjali u li m’għandhomx dimensja,” qal il-Ministru Michael Farrugia.

Fl-2010, f’Malta kien hawn aktar minn 5,000 persuna tgħix bid-dimensja. Dan jammonta għal madwar 1.24% tal-popolazzjoni Maltija. Hu stmat li sas-sena 2060, dan il-perċentwal jiżdied għal 3.62%, ekwivalenti għal 14,000 persuna.

Dan juri li aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-popolazzjoni ta’ pajjiżna qiegħda tikber fl-età u għalhekk qegħdin niltaqgħu aktar mal-kundizzjoni tad-dimensja.

“Għaldaqstant, jaqbel li nieħdu l-passi kollha meħtieġa, biex nippreparaw ruħna għal dak li se niltaqgħu aktar spiss miegħu fil-futur. B’dan il-mod, inkunu qegħdin niżguraw li nagħmlu dak kollu li hu possibbli biex min jgħix bid-dimensja, jgħix b’dinjità u jkollu kwalità ta’ ħajja tajba,” żied jgħid il-Ministru.

Huwa temm jgħid li dan hu pass ieħor ’il quddiem fil-qasam tal-ħarsien soċjali, fejn qegħdin jiddaħħlu miżuri li jiżguraw is-sigurtà u l-ħarsien ta’ dawk il-persuni li jgħixu bid-dimensja fid-djar residenzjali tal-anzjani.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com