“Ir-Raba’ Għandu Jibqa’ Jiġi Protett Għall-Provista Tal-Ikel Frisk U Mhux Għall-Provista Tal-Elettriku” – Il-PN
“Iva għall-enerġija rinovabli, le għal solar farms li jkunu ta sfreġju ambjentali fuq art agrikola.”
Dan qaluh f’konferenza tal-aħbarijiet Janice Chetcuti, Koordinatriċi ta’ PN Greens, Robert Cutajar, Kelliem għall-Ambjent u Edwin Vassallo, Kelliem għall-biedja fil-Partit Nazzjonalista, mill-Imġarr fl-Akwati tar-Radd biswit l-għelieqi għammiela fejn hemm proposti li jsir solar farm ta’ 40,000 metru kwadru li jbiddel darba għal dejjem il-kampanja madwar ir-raħal pittoresk tal-Imġarr.
Il-kelliema qalu li “qed jitkellmu fuq dan is-solar farm – għax hawn proġett propost – però dak li qed ngħidu japplika għas-solar farms kollha li hawn proposti u li ser jiġu proposti. Nafu bi proġetti oħra li tressqu jew li ser jitressqu fil-Manikata, fil-Mellieħa u f’Burmarrad u postijiet oħra,” sostnew il-kelliema.
“Il-Partit Nazzjonalista hu favur enerġija rinnovabbli – iżda rridu naraw li dan ikun f’armonija mhux f’kuntrast mal-kampanja Maltija u mal-użu tal-art agrikola,” saħqu l-kelliema.
“Il-Gvern sal-lum għadu bla pjan u falla fil-miri ambjentali. U għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed ikun proattiv u qed iressaq il-proposti hu biex jgħin fil-ħarsien biex nissalvagwardjaw l-ambjent u l-biodiversitá.”
Il-Partit Nazzjonalista tenna li hu favur sorsi alternattivi imma mhux b’detriment għall-ambjent ta’ madwarna. “Ir-raba’ għandu jibqa’ jiġi protett għall-provista tal-ikel frisk u mhux għall-provista tal-elettriku.”
Il-PN temm jgħid li s-solar farms huma meħtieġa iżda mhux f’raba li jista jibqa’ jiġi maħdum mill-bdiewa Maltin u Għawdxin. “Ma nistgħux inħottu knisja biex nibnu oħra!”