“Irridu Nindirizzaw Il-Problemi Bis-Serjetà Biex Nakkwistaw U Nżommu R-Reputazzjoni Ta’ Pajjiżna” – Il-Kap Tal-PN Bernard Grech
“Spiċċa ż-żmien li nippruvaw nitkellmu għall-gallerija, spiċċa ż-żmien li ngħidu dak li n-nies iridu jisimgħu, u spiċċa ż-żmien li ma nindirizzawx il-kwistjonijiet veru. Pajjiżna jinsab f’salib it-toroq, irridu naraw x’irridu nagħmlu bis-serjetà biex nakkwistaw u nżommu r-reputazzjoni tagħna.”
Hekk saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa li kellu mal-Kamra tal-Kummerċ fejn ġie ppreżentat bil-proposti tal-Kamra tal-Kummerċ għall-Baġit 2022.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-Kamra tal-Kummerċ tal-impenn pro-attiv lejn dan il-pajjiż u allura il-fatt li ħarġu dawn il-proposti wara ħin u konsultazzjoni u ppreżentawh lill-Partit Nazzjonalista bħala partit politiku huwa ta’ apprezzament għaliex ikunu qed ikomplu jgħinu fit-tfassil tal-politika tal-partiti politiċi.
Huwa semma kif fil-ġimgħat li ġejjin il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippreżenta d-dokument ta’ qabel il-baġit u li fih il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iħares lejn numru ta’ pilastri li dan il-pajjiż irid jindirizza bis-serjetà.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma wkoll kif il-Partit Nazzjonalist ħareġ pjan integrat t’appoġġ loġistiku għall-industrija lokali – hemm suq qawwi iżda ma jiswa xejn jekk dan ma nistgħux nilħquh b’mod prattiku. Ħarisna lejn numru ta’ modi, bħal ngħinu l-importatur u l-esportatur iżda wkoll li jkun hemm fondi neċessarji sabiex verament ikollu l-għajnuna neċessarja meta jimporta u jesporta.
Min-naħa tagħha, l-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb qalet li l-isfidi prinċipali, fosthom biex ninqalgħu mill-greylist kemm jista’ jkun malajr għax iktar ma ndumu fiha jaf ikun hemm konsegwenzi serji. Qalet li s-soluzzjonijiet li rridu nsibu jridu jkunu profondi mhux biss bit-tibdil fil-liġijiet imma bidla fil-kultura. Sfida oħra, hi dik ta’ riżorsi umani, li qed iġiegħlu xi negozju jagħlqu partijiet tagħhom għax m’għandhomx biex jaħdmu.
Għal-laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ kien hemm jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-Kelliem għall-Finanzi Mario de Marco, l-Kelliema għall-Iżvilupp, Ekonomiku u l-Industrija, Kristy Debono u l-kandidati Noel Muscat u David Pace Ross.